Lokali
“Thank you sisters” – iċ-ċkejken Henry għall-kura f’Londra

Aktar minn mitt familja fis-sena jqattgħu ż-żmien li jitilgħu għall-kura f’Londra mal-komunitajiet tas-sorijiet Agostinjani u Franġiskani, li b’dedikazzjoni jipprovaw itaffu l-piż li jkunu qed iġorru dawn il-pazjenti.

Henry Mamo, tifel mimli enerġija, li minkejja għad għandu biss tliet snin u nofs diġà għadda minn disa’ operazzjonijiet; l-ewwel waħda meta lanqas kien għadu għalaq sena.

Iltqajna ma’ Henry waqt iż-żjara li l-President Marie-Louise Coleiro Preca għamlet għand is-sorijiet Agostinjani f’Londra, fejn bħalissa qed jgħix mal-ġenituri tiegħu. Tispikka t-tbissima innoċenti taċ-ċkejken, li fil-bidu tas-sena d-dieħla mistenni jagħmeli trapjant tal-kliewi, li matulu se jingħata kilwa mingħandu missieru.

Il-ġenituri ta’ Henry; Lorinda u Randolph, spjegaw li binhom twieled bi “prune belly syndrome”. Din hi t-tielet darba li Henry tela’ għall-kura fl-isptar Great Ormond Street. “Hawnhekk apparti l-kura medika, li hija eċċellenti għandna wkoll l-għajnuna tas-sorijiet, li jieħdu ħsiebna ħafna u anke l-patrijiet Franġiskani. Il-kura medika hija imporanti, il-kura tal-qalb u soċjali hija ħafna importanti wkoll.”

“Thank you sisters,” jgħid iċ-ċkejken Henry.

Din hi l-unika familja li bħalissa qed tgħix f’St Monica House immexxija mis-sorijet Agostinjani. Suor Maria Buhagiar spjegat li s-sorijiet jipprovaw jimxu mal-pazjenti f’dan iż-żmien iebes ta’ ħajjithom. F’din id-dar hemm żewġ sorijiet Maltin u tnejn oħra Filippini.

“Mhux l-ewwel darba li smajniehom jgħidu dan il-kumment li almenu qegħdin id-dar ‘il bogħod minn djarna. Home away from home, li għalina hu ta’ sodisfazzjon għax ngħidu almenu li dawn in-nies ġew bit-toqol li ġew bih allura jsibu ambjent familjari.”

L-istess jagħmlu s-sorijiet Franġiskani li ilhom mill-1960 jilqgħu lill-Maltin li jitilgħu għall-kura f’Londra. F’din id-dar hemm sitt sorijiet Maltin u Kenjana; l-aktar waħda ilha 33 sena. Is-sorijiet qalu li l-aħħar mumenti tal-pazjenti jħallu impatt kbir fuqhom. Qalu li f’din id-dar ġieli jkun hemm min jikkonverti.
“Xi drabi jiġu jgħidulna huma stess taf kemm kien ilu ma jidħol knisja suor ma nafx x’ġara hawnhekk xħin dħalna hawnhekk sibna ħafna paċi u ġejna nitolbu,” tgħid il-Madre Suor Veronica Catania.

Jassistu lill-pazjenti f’Londra hemm żewġ patrijiet Franġiskani Konventwali – Fr Mario Sant u Fr Stephen Borg. Huma ilhom Londra sentejn. “Kull storja hija differenti, kull storja hija importanti. Jkun hawn min jiġi biss għal out patient u jerġa’ jinżel Malta – jkollu biss appuntament, imma jkun hawn min l-istorja tiegħu, mhux wieħed jew tnejn – li l-istorja tiegħu ttul anke sitt xhur jew aktar kultant,” jispjega Fr Mario. “Hawnhekk aħna nsiru familja waħda.”

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Permezz ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija waslet għal madwar 20 persuna li huma vittmi ta’ traffikar ta’ bnedmin. Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fi tweet li bagħat illejla,…

Lokali

Atleta Malti tal-Ispecial Olympics, Gilmour Borg, intgħażel biex iservi ta’ ambaxxatur tal-organizzazzjoni SIGA, fil-missjoni tagħha li tippromwovi l-integrità fl-isport. L-atleta tal-Ispecial Olympics, Gilmour Borg, inħatar bħala ambaxxatur mal-alleanza globali tal-integrità…

Lokali

Żagħżugħ Somalu kien ikkundannat 16-il xahar ħabs wara li nstab ħati li rreżista lill-pulizija li kienu se jfittxulu għad-droga, bil-konsegwenza li kiser seba’ ta’ Surġent. Bashir Abdulahi Ahmed kien akkużat…

Aktar