Barranin
Tħassib li tinqered l-ikbar siġra fid-dinja b’nirien li ħakmu park f’Kalifornja

Pumpiera f’Kalifornja għaddejjin b’ġirja kontra l-ħin biex jipprovaw isalvaw fost l-eqdem siġar fid-dinja qabel ma jinħakmu min-nirien fil-park nazzjonali Sequoia.

Hemm biża’ li fi ftit sigħat oħra n-nar jista’ jilħaq l-ikbar siġra bħala volum fid-dinja. Is-siġra, li ġġib l-isem General Sherman, hija twila 83 metru u huwa kkalkulat li tgħodd madwar 2,200 sena.

Il-pumpiera qed idawru kif jistgħu l-foil madwar l-eqdem siġar f’dan l-ort, bit-tama li jilqgħu min-nar li riesaq lejhom, u li ilu jikkonsma din iż-żona ġimgħa sħiħa.

Total ta’ 350 pumpier, ħelikopters u ajruplani li jwaddbu l-ilma ġew assenjati għal din il-ħidma bit-tama li jkun limitat id-dannu tan-nar.