Stejjer Umani
“Tħoss uġigħ u dlam kbir imma hemm soluzzjoni”

Kellha biss 33 sena meta bdiet bi problemi ta’ saħħa mentali, u llum, erbgħin sena wara, minkejja li jiġu mumenti ta’ dlam, jirnexxielha ssib il-paċi u anki l-ferħ. TVM tkellem ma’ Violet Bajada li tbati bil-kundizzjoni bi polar, u appellat biex wieħed ikun sensittiv meta jitkellem, għax kliem addoċċ mhux biss iweġġa’, imma anki jista’ jikkawża mard mentali f’ħaddieħor.

Bdiet il-karriera tagħha bħala infermiera fi sptar psikjatriku f’Londra. Meta kellha biss 33 sena, Violet Bajada bdiet tħoss dwejjaq kbar wara li kellha t-tieni tarbija tagħha.

“Kif kelli t-tarbija, suppost ikollok il-ferħ, ma tirrealizzax, bdejt inħossni mhux kapaċi nieħu ħsieb it-tarbija, ma norqodx ma nikolx”.

Violet qalet li t-tobba qalulha li kellha post natal depression, iżda matul iż-żmien skopriet li għandha l-kundizzjoni bi polar, fejn jiġu mumenti ta’ dlam kbir.

“Solitudni, dwejjaq, u uġigħ, tħossok minti kapaċi għal xejn, kien hemm mumenti fejn tlabt lill-Mulej joħodni”.

Violet qalet li minkejja l-mard mentali jġib miegħu uġiegħ u solitudni, tagħmel kuraġġ għax hemm raġġ ta’ tama, billi wieħed jagħmel affarijiet li jħobb jagħmel.

“Tistħix li għandek il-kundizzjoni, għax ħadd ma jagħżel il-mard, għax hawn biex immexxu l-ħajja tagħna aħjar u meta jiġu mumenti, għid ibżax issa toħrog minnha’.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia appella ma’ TVM li wieħed li jħoss ċertu toqol għandu jirrikorri għall-għajnuna, u hemm jirrealizza li mhuwiex waħdu.

“L-inkoraġġiment tiegħi bħala kummissarju ejja niftħu beraħ l-opportunità li nisimgħu d-diffikultà, ngħinu biex isibu għajnuna, ħabib, tabib, nurse, servizz, ejja nftixxu l-għajnuna biex jgħixu ħajja normali”.

Huma diversi s-servizzi ta’ appoġġ għal min jixtieq l-għajnuna, fosthom tal-fondazzjoni Richmond fuq in-numru 1770 u onlajn fuq www.kellimni.com