Budget2021
Tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-budget 2021

Wara l-preżentazzjoni tal-budget għas-sena d-dieħla, ir-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni u d-diskors tal-Prim Ministru lbieraħ filgħaxija, minn dalgħodu jibdew id-diskussjonijiet dwar l-estimi tal-budget.

Kull ministeru jrid jara l-estimi vvutati fil-budget li b’kollox għandu nefqa totali ta’ aktar minn ħamest elef u seba’ mitt miljun ewro.

Għalhekk il-Kamra tad-Deputati tirriżolvi ruħha f’kumitat ta’ provista fejn ministeru wara l-ieħor jippreżenta l-programm għall-budget 2021.

Id-diskussjonijiet dwar l-estimi nfetħu dalgħodu mill-Ministru Ian Borg dwar it-Trasport, l-Infrastruttura u l-Progetti Kapitali. Waranofsinhar kien imiss lill-Ministru Evarist Bartolo li ressaq għad-diskussjoni l-estimi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Id-diskussjoni fuq l-estimi tibqa’ sejra sas-6 ta’ Novembru u jagħlaq il-Prim Ministru meta jressaq l-estimi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.