Lokali
Tibda konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ 2021 – 2030

Ingħata bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika biex titfassal Politika Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ fl-etajiet bejn it-13 u t-30 sena għall-perjodu sal-2030. Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Clifton Grima, qal li hu fiduċjuż li meta ż-żgħażagħ jingħataw rwol ċentrali u jkunu protagonisti kapaċi ndawru kwalunkwe sfida f’opportunita’ biex jiġi żgurat l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Clifton Grima, qal li l-konsultazzjoni dwar il-politika nazzjonali l-ġdida dwar iż-żgħażagħ għall-perjodu 2021 – 2030 hi msejsa fuq is-suċċessi tal-aħħar politika nazzjonali li daħlet fis-seħħ ħames snin ilu. Dr Grima qal li din pprovdiet pedamenti sodi għall-ħidma li qed issir illum fil-qasam taż-żagħżagħ. Qal li l-politika l-ġdida għandha l-għan li tappoġġja u tħeġġeġ liż-żagħżagħ kemm bħala individwi kif ukoll bħala ċittadini, fi skejjel u istituzzjonijiet edukattivi, fix-xogħol, fil-komunita’ u permezz tal-media soċjali.

“Politika li tkompli tibni fuq it-tajjeb li hemm, u hemm ħafna tajjeb . . . . pero forsi jkun hemm nuqqasijiet li illum il-ġurnata mhux dejjem bħala pajjiż u bħala poplu nirrealizzaw u allura nkunu nistgħu nagħtu l-għodda neċessarji liz-żagħżagħ biex jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom,” qal is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żagħżagħ, Miriam Theuma, qalet li l-prinċipji bażiċi li sawru l-abbozz tal-politika nazzjonali huma r-rispett lejn l-individwu irrispettivament mit-twemmin, etniċità u kapaċitajiet; u l-jedd li ż-żagħżagħ ikollhom leħinhom mismugħ; ir-rikonoxximent u r-rispett tal-valuri u l-kultura Maltija u Ewropea, u l-appoġġ biex iż-żagħżagħ jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom. Qalet li d-dokument jaħseb lejn il-mod kif is-soċjetà mistennija tkompli tevolvi fil-ġejjieni, b’mod partikolari lejn l-identita diġitali.

“Direzzjoni li żgur li rridu nieħdu hu li nedukaw liż-żagħżagħ kif jużaw is-social media, nedukaw biex jagħżlu news li huwa veru jew fake, dawn huma direzzjonijiet li ħames snin ilu ma konniex naħsbu fihom daqshekk, u issa se nkunu qed nagħmilhom prijorità,” qalet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Theuma.

Il-fehmiet dwar dan id-dokument se jintlaqgħu sal-aħħar ta’ Ottubru.