Unjoni Ewropea
Tibda l-esperjenza ġdida għall-iżgħar Ewroparlamentari fid-delegazzjoni Maltija

Ftit tal-jiem ilu bdiet esperjenza ġdida għall-iżgħar Ewroparlamentari fid-delegazzjoni Maltija – Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar. Ruth Castillo ltaqgħet magħhom fl-ewwel seduta plenarja fi Strasburgu. Wara ġimgħat ta’ tħejjija, iż-żewġ deputati tal-Parlament Ewropew jidher li għandhom ideat ċari ta’ x’se jkunu l-prijoritajiet tagħhom f’dawn il-ħames snin.

Id-disa’ parlament Ewropew mill-ewwel elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew erbgħin sena ilu jinkludi l-akbar għadd ta’ nisa qatt kellu dan il-Parlament – 40% b’kollox – imma mhux biss. 61% tal-ewroparlamentari huma wċuh ġodda għall-Parlament Ewropew inkluż iż-żewġ żgħażagħ Maltin Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar, li hija wkoll l-ewwel ewroparlamentari Għawdxija.

L-ewwel ġimgħat wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu kienu impenjattivi għall-ewroparlamentari ġodda sakemm isibu saqajhom f’dan l-irwoll il-ġdid.

Alex Agius Saliba qal “kellna dawn l-aħħar erba’ ġimgħat li ma kinux break wara l-kampanja elettorali għalkemm kienet kampanja twila, però kien żmien importanti wkoll sabiex nibdew ukoll nambjentaw daqsxejn lilna nfusna ma’ dan l-irwoll daqstant importanti li niddefendu l-interessi ta’ tant Maltin u Għawdxin f’din l-istituzzjoni daqstant importanti.”

Huma kellhom laqgħat mal-grupp politiku tagħhom, fil-każ ta’ Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar mal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ setturi varji bil-għan li jiffurmaw il-prijoritajiet tagħhom bħala membri tal-parlament ewropew.

Dr Cutajar qalet li l-politika fi Brussell ma ssirx biss fis-sessjonijiet plenarji, iżda ssir ukoll fil-kurituri.

Josianne Cutajar qalet “aħna delegazzjoni żgħira. Ċkejkna u għaldaqstant hu importanti li mil-lum – proprju mill-bidu – naraw li nibnu alleanzi anke biex dawn iservuna fejn jidħol lobbying f’aspetti li jolqtu direttament lill-pajjiż jew ċittadini tagħna.”

Dr Agius Saliba qal li Malta hija waħda mill-iżgħar delegazzjonijiet fil-Parlament Ewropew li jeħtieġ isemma leħinha aktar b’saħħa.

Alex Agius Saliba qal “meta tkun hawnhekk speċjalment fi Strasburgu u tpoġġo fl-emiċiklu – fis-sala prinċipali – tibda tgħid isma wasalna ħa nibdew il-ħidma u tħoss ċerta responsabilità.”

Dr Agius Saliba se jkun membru tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Se jkun ukoll membru sostitut fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Dr Cutajar se tkun membru tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u se sservi bħala membru sostitut fil-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Sentejn ilu waqa’ għall-vizzju tad-droga għax tilef lill-ommu u sofra minn sfidi mentali, iżda issa ddeċieda li jidħol għall-programm tal-Caritas biex ikun jista’ jerġa’ jgħannaq lil familtu u jgħin persuni…

Lokali

Tabiba Maltija ngħata kariga importanti fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Dr Natasha Azzopardi Muscat inħatret bħala Direttur li fost affarijiet oħra se tieħu ħsieb is-servizzi tas-saħħa fl-Ewropa fosthom biex jiżdied…

Edukazzjoni

Ċans ieħor lill-istudenti japplikaw għall-eżamijiet li se jsiru f’Settembru fil-livell intermedjarju u avvanzat. Dan jgħodd għall-istudenti li ma kinux irreġistraw għall-eżamijiet u li kieku ma nqalgħetx il-pandemija kienu jsiru fil-ġimgħat…

Lokali

Ħafna mill-bdiewa qed jilmentaw li ser jibqgħu bil-patata ma’ wiċċhom minħabba nuqqas ta’ domanda mis-suq kemm f’Malta kif ukoll mis-swieq tal-esportazzjoni minħabba li din ukoll intlaqtet mill-Covid-19. Television Malta jinsab…

Aktar