Infrastruttura
Tibda l-fażi tal-evalwazzjoni għall-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni.

Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, permezz tal-Malta Freeport Corporation.

Dan il-proċess mistenni jdum mal-erba’ ġimgħat, u wara għandu jsir il-kuntratt biex jibda mill-aktar fis possibbli x-xogħol wara li jintgħażel il-kuntrattur.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-Gvern determinat li jkompli jinvesti f’soluzzjonijiet varji għas-settur tat-trasport, minn infrastruttura effiċjenti sa trasport aktar sostenibbli sa soluzzjonijiet ta’ parkeġġ bħal dan.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan l-investiment huwa krucjali għal din iż-żona b’potenzjal turistiku qawwi, u jikkumplimenta proġetti oħra bħal Park tal-familja f’Bengħajsa, ir-Riġenerazzjoni ta’ Triq San Patrizju, u l-istudji fil-Port Ħieles biex isir il-proġett tax-shore-to-ship.