Qorti
AĠĠORNAT (3): Jirrakkonta kif qallu li qed iħoss uġigħ kbir u jħossu li se jmut

“Għaliex għamilli hekk, lanqas biss nafu?” Dawn kienu l-ewwel kliem li lissen Hugo Chetcuti wara li ġie operat għal feriti gravi li sofra f’żaqqu meta ġie attakkat b’daqqiet ta’ sikkina f’wieħed mill-istabbilimenti tiegħu f’Paceville.

Dan xehdu ħuh, Isaac Chetcuti fil-Qorti li bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Bojan Cmelik, is-Serb ta’ 35 sena li jinsab akkużat fost oħrajn bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti.

Il-Pulizija jirrakkontaw kif qabdu lil Cmelik wara li Hugo Chetcuti qala’ daqqiet ta’ sikkina

Lejliet il-funeral ta’ Hugo Chetcuti li miet wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu, il-Qorti semgħet id-dettalji kif seħħ l-attakk u kif l-akkużat – Bojan Cmelik – inqabad mill-Pulizija ftit wara l-attakk.

Mix-xhieda ħareġ li l-vittma kien barra l-istabbiliment Seafood and Cocktail Bar f’Paceville, flimkien ma’ ħuħ Isaac u Simon Attard, il-project Manager ta’ Hugo Group. Isaac Chetcuti xehed li semgħu li xi ħadd jgħajjat ‘Hugo’ u raw lill-akkużat liebes kappell tat-tiben, qmis blu u xorts ċar kulur il-ġilda riesaq lejhom.

Ix-xhud xehed li ra lill-akkużat b’id waħda jaqbad lil ħuh minn għonqu biex jgħannqu u bl-id l-oħra għamel moviment minn tal-anqas darbtejn fid-direzzjoni ta’ żaqq Hugo. Żied jgħid li dak il-ħin Hugo ntelaq u Isaac daħal f’nofshom.

Isaac Chetcuti xehed li dak il-ħin l-akkużat ħarab jiġri u ftit wara telaq jiġri warajh iżda ma felaħx jiġri fit-tul. Dar lura biex jara kif baqa’ ħuħ u fi triqtu ċempel għall-għajnuna. Meta wasal fil-lukanda Hugo, qalulu li lil ħuh ħaduh l-isptar.

Ix-xhud qal li immedjatament wara l-feriment lil ħuħ ma kellmux, iżda l-għada filgħodu, wara li Hugo kien operat, qallu li l-aggressur ma kienx jafu ma jafx għaliex għamillu hekk. Qal li s-Sibt raqdu l-isptar u l-għada filgħodu meta mar ikellem lil ħuħ, qallu li qed iħoss uġigħ kbir u qed iħossu se jmut.

Isaac kompla jgħid li meta daħlet tkellmu oħthom, ħarġet ippanikjata għax rat lit-tobba madwaru u ftit wara ħareġ tabib jgħidilhom kien se jkollhom jagħmlulu t-tieni operazzjoni. Qal li għalhekk it-tobba daħħluh f’koma u baqa’ fiha sakemm miet.

Hugo ġie aggredit quddiem il-qraba u l-ħbieb fil-ħanut il-ġdid li fetaħ dakinhar stess

Diversi uffiċjali tal-Pulizija xehdu dwar l-informazzjoni li rċevew dakinhar li seħħ l-attakk, x’sabu meta marru fuq il-post u l-ġirja li għamlu sakemm qabdu lill-akkużat u arrestawh fi Triq Sant Elena f’Tas-Sliema.

Żewġ uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit qalu li kellhom jużaw it-taser gun x’ħin l-akkużat kien sejjer għal fuqhom waqt li pprova joħroġ xi ħaġa minn taħt il-qmis. Qalu li peress li n-natura tar-rapport kienet fuq daqqiet ta’ sikkina, ma fdawx u għalhekk sparaw darbtejn it-taser gun b’tir minnhom jolqot lill-akkużat fil-polz.

Qalu li l-akkużat baqa’ jirreżisti l-arrest u beda jfajrilhom daqqiet bil-ponn u b’saqajh u għalhekk reġgħu użaw it-taser gun din id-dar mingħajr cartridge f’saqajh sakemm irnexxielhom jimmanettjawh. Xehdu li minn tfittxija li għamlu fuq il-persuna, taħt il-qmis sabu sikkina ġo cover ma’ żaqqu, u par ċwievet.

Fi tmiem is-seduta, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marsenne Farrugia ħatret lil Dr Marisa Cassar biex tagħmel testijiet tad-DNA fuq oġġetti li ngħatat mill-Pulizija waqt l-inkjesta, lill-Ispettur Charlo Casha biex jiġbed ritratti tal-akkużat ħalli jitqabblu ma’ filmati tas-CCTV u lil Joseph Mallia biex jieħu l-marki tas-swaba’ tal-akkużat u jqabbilhom mal-marki tas-swaba’ elevati mill-Pulizija fl-inkjesta.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Matul il-lejl, grupp ta’ 61 immigrant mistennija jiddaħħlu Malta wara li sabu ruħhom f’diffikultà bejn sema u ilma. Stqarrija tal-Forzi Armarti qalet li ċ-ċentru tal-kordinazzjoni tas-salvataġġ Maltiillum tard waranofsinhar kien…

Infrastruttura

Il-pontijiet li jaqsmu l-ibliet u jħaffu t-traffiku huma meħtieġa iżda l-manutenzjoni tagħhom hija daqstant importanti biex jiġu evitati diżgrazzji. Ftit tal-ġimgħat ilu Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ tisħiħ tal-Pont…

Ambjent

Wara li f’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi u għal diversi jiem ma kinux ntfew għalkollox, l-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, qal li l-ħsara li saret m’hijiex biss fis-siġar li…

Aktar