Lokali
Tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar il-każ tar-rejd għad-droga f’Raħal Ġdid

Fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza f’żewġ kawżi separati kontra Melvin Debono u Dean Martin li jinsabu mixlija b’diversi akkużi fosthom b’atti ta’ traffikar droga. Fiż-żewġ seduti il-Pulizija preżentat l-evidenza filwaqt li spjegat kif inġabret dakinhar li sar l-arrest. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati bil-Prosekuzzjoni oġġezjonat minħabba l-gravità tar-reat.

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri il-Pulizija preżentaw l-evidenza f’żewġ kawżi separati kontra Melvin Debono ta’ 29 sena u Dean Martin ta’ 40 sena. Melvin Debono ġie akkużat fost oħrajn b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga kokaina u b’ħasil ta’ flus, filwaqt li Dean Martin jinsab akkużat ukoll b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess ta’ kokaina, li kien fil-pussess ta’ eroina, u naqas milli jħares il-kundizzjonijiet li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, l-ispettur Mark Anthony Mercieca, qal wara li fid-19 ta’ Diċembru il-Pulizija osservaw transazzjoni ta’ traffikar tad-droga li kienet tinvolvi lil Martin u Debono. L-ispettur Mercieca qal li dakinhar Martin ġie osservat idaħħal kaxxa kannella fil-vettura tiegħu, imbagħad saq lejn Raħal Ġdid fejn intlemaħ idur bil-vettura fl-inħawi fejn joqgħod Debono. Il-Pulizija nnutaw li Debono niżel mill-appartament tiegħu fejn deher jiltaqa’ ma’ Martin fil-vettura ta’ Martin stess. Kien hawnhekk li intervjenew il-Pulizija.

L-ispettur qal li wara li saret tfittxija li saret il-vettura ta’ Dean Martin instabu flus u żewġ blokok tal-kokaina. Meta ġie mistoqsi mil-Pulizija dwar il-kaxxa fil-karozza tiegħu Martin qal li kienet ta’ Melvin Debono. L-ispettur Mercieca qal li fi tfittxijiet fil-kċina tad-dar ta’ Debono nstabu €3,800 fi flus kontanti u ħafna ċwievet. Fir-residenza nstab ukoll deheb kif wkoll boroż bil-kannabis u bil-kokaina u affarijeit relatati mad-droga. Fis-safe ta’ Debono nstabu €78,320 fi flus kontanti. Il-Pulizija qalet li għamlet ukoll tfittxijiet f’garaxx ta’ Debono fejn instabu Range Rover u Mercedes.

Waqt is-seduta l-ispettur Mercieca preżenta fost l-oħrajn l-ammont kollu ta’ flus kontanti li nstabu. Dwar Martin, il-Pulizija qalu li waqt l-interogazzjoni qal li kien jitħallas €200 għal kull kilo kokaina li kien iżomm għal Debono sakemm jagħtihielu. Qal li din ma kinitx l-ewwel darba li għamel dat-tip ta’ transazzjoni.

Fis-seduta xehed ukoll ix-xjenzat Godwin Sammut mill-Università ta’ Malta, u qal li analizza trab ta’ lewn abjad, u kkonfernma li kien kokaina b’piż ta’ 5.5kg. Id-difiża talbet lill-Qorti biex ma tagħtix id-digriet finali tagħha qabel tisma s-sottomissjonijet fis-seduta li jmiss. Il-Maġistrat Camilleri laqa’ t-talba tad-difiża.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Steven Ryan Micallef, u Omar Caruana. Melvin Debono ġie assistiet minn Dr Marion Dr Camilleri u Franco Debono, filwaqt li Dean Martin ġie assistit minn Dr Roberta Bonello.