Reliġjon
Tibda s-16-il edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima

F’Dar San Guzepp f’Santa Venera tela’ s-siparju fuq is-16-il edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima, b’60 siegħa ta’ xandir li qed jintwera fost oħrajn fuq TVM2. Din is-sena l-maratona qed timmarka l-50 sena ta’ ħidma missjunarja tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fil-Perù.

Il-50 sena mit-twaqqif tal-missjoni tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl fil-Perù qed jiġi ċċelebrat b’dokumentarju li juri l-għajnuna li taw il-Maltin f’din il-missjoni. Id-Direttur taċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja, Fr Louis Mallia, iħares lura b’ċertu nostalġija imma b’sodisfazzjoni kbir.

“Aħna konna dejjem naħdmu ġol-periferija, għadna sal-lum. Naqbdu komunità li qed tibda, ngħinuhom b’kull aspett kemm skejjel, saħħa, kliniċi, fuq livelli differenti biex komunità tikber, imbagħad meta nibnuha sew immorru f’komunità oħra. Illum għandna mat-tmien komunitajiet kbar ħafna, qed nitkellmu fuq popolazzjoni ta’ 300,000 ruħ, li bdew mix-xejn” qal Fr Louis Mallia.

Id-donazzjonijiet li jinġabru minn Oħloq Tbissima jmorru wkoll għal missjunarji fil-Filippini u fil-Pakistan kif ukoll b’risq Dar San Ġużepp f’Santa Venera.

Fil-ftuħ tal-maratona, l-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-missjunarji u lill-familji tagħhom. Huwa sejjaħ lill-missjunarji bħala xhieda sabiħa ta’ xi tfisser li tkun dixxiplu ta’ Kristu.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca wkoll faħħret il-ħidma tas-soċjetà li nfirxet mal-erbat irjieħ tad-dinja u ħeġġet sabiex aktar żgħażagħ jimxu fuq l-eżempju ta’ dawk li matul il-btajjel tas-sajf imorru jagħmlu volontarjat f’xi pajjiż tal-missjoni.

Il-maratona Oħloq Tbissima tintemm nhar il-Ħadd li ġej.