Lokali
Tibda temmen fiha nnifisha wara li kienet tweġġa’ lilha nnifisha

Kienet tbati bi problemi mentali u anki waslet biex tweġġa’ u tqatta’ lilha nnifisha. Iżda grazzi għal dawk ta’ madwarha, irnexxielha tibda temmen fiha nnifisha tant li mmudellat waqt il-konkors ta’ Miss Universe Malta.

Hija l-istorja ta’ Sarah Buttigieg, studenta u mudella ta’ 21 sena, li ma’ tvm.com.mt appellat lil min għaddej minn problemi emozzjonali biex ma jaqta’ qalbu qatt u jfittex l-għajnuna.

Tirrakkonta kif ma kinitx temmen fiha nnifisha. Iżda grazzi għal djarju fuq il-media soċjali u għal dawk ta’ madwarha, irnexxielha trabbi l-fiduċja u bniet personalità tant li waslet sa fuq il-passerella ta’ Miss Universe Malta.

Sarah Buttigieg illum hija studenta tal-Psikologija u mudella. Qaltilna li avolja x-xewqa tagħha saret realtà, meta kienet iżgħar kellha diversi problemi.

“Meta kont żgħira jien kont inbati minn problemi mentali, depression, anke self harm u ovvjament kienu akkumulazzjoni ta’ affarijiet li ġabuni f’dan l-istat. Kienet mititli n-nanna ta’ età żgħira anke pereżempju minn età ta’ 13-il sena ħa titla’ għas-sekondarja, dik il-bidla tkun età tenera u tkun vulnerabbli, allura spiċċajt inbati b’dawn il-kundizzjonijiet sfortunatament”, qalet Sarah.

Kien grazzi għal ommha, il-counsellors tal-iskola u bit-terapija li rnexxielha titgħallem tħobb lilha nnifiha. Fejn qabel kienet temmen li mhix persuna kapaċi, bdiet tiffaċċja l-ħajja mod ieħor. Imtliet bil-pożittività tant li kultant lanqas hi stess ma temmen fejn wasslet. Sarah qalet li kien bis-saħħa ta’ imprenditur tal-moda li għandu ideat li b’xorti tajba mhumiex bħal tal-massa li taha ċ-ċans tagħmel dak li tħobb.

“Nissorprendi ruħi meta nara lili nnifsi – ngħid kemm jiena b’saħħti. Il-moħħ huwa kollox fil-verità għax tista’ tgħaddi minn ħafna affarijiet negattivi u għalik hija għażla li tibqa’ tkun pożittiva. Bażikament spiċċajt fuq ir-runway riċentament permezz tas -social media saru jafu n-nies bija u permezz ta’ dik il-persuna li emmnet fija, Matthew iddeċieda li jikkuntattjani biex nieħu sehem fix-show”.

Matthew Piccinino huwa imprenditur li ilu fix-xena tal-moda għal aktar minn 20 sena. Jemmen li ilu li wasal iż-żmien li min għandu ħiliet u talenti differenti iżda mhux biss jekk jaqa’ taħt keffa waħda. Kien għalhekk li addotta dan l-istil fejn jagħti ċ-ċans lil kulħadd.

“Aħna rridu nwasslu messaġġ ta’ inklussività fejn indaħħlu mhux just mudelli li huma ta’ qies perfett… l-idea kienet li nkunu inklussivi jiġifieri ndaħħlu kemm tfajliet plus size jew tfajliet li huma rqaq jew twal jew karnaġġon skur jew ċar, li huwa messaġġ ta’ inklussività, issib żewġ tipi differeenti ta’ nies, hemm min jaraha the way forward….mara pożittiva mara kunfidenti l-importanti meta tħares lejn il-mera tħossok kunfidenti u tajba”.

Sadanittant l-ambizzjonijiet ta’ Sarah ma jifqux hawnhekk.

“Naħseb il-pass li jmiss hu li mhux jiena nkun fir-runway imma nies bħali. Vera nixtieq hija ħolma kbira imma bil-mod il-mod pass li nagħmel fashion show għal nies differenti – kapaċitaijiet differenti, tul, daqs, b’xi mod tasal”.

Għal kull għajnuna persuna tista’ tfittex l-għajnuna fuq www.kellimni.com