Agrikultura
Il-ġbejniet se jiżdiedu, iżda mhux kulħadd kuntent

Il-ġbejniet tradizzjonali Maltin mistennija jkunu aktar abbundanti b’tibdil fil-liġi li ser tippermetti raħħala żgħar kważi jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom. Madankollu dal-pass xejn mhu jogħġob lir-raħħala u produtturi l-kbar li kienu obbligati jinvestu biex itejbu l-operat tagħhom skont il-livelli Ewropej.

Mario u Grace Scerri ilhom ħajjithom b’razzett f’Tas-Santi, limiti tal-Imġarr, fejn fost oħrajn għandhom nagħaġ u mogħoż li mill-ħalib tagħhom jipproduċu l-ġbejniet.

Bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, kellhom jinvestu f’makkinarju biex il-produzzjoni tal-ġbejniet bdiet issir skont standards Ewropej li jagħtu serħan il-moħħ f’aspetti ta’ sanità u iġenje.

Ir-raħħal Mario Scerri qal “ma tridx tibqa’ bil-mentalità t’ilu…t’ilu għadda. B’li hawn issa trid taħdem.”

Mario u Grace iżda issa xejn m’huma kuntenti li l-Gvern għandu l-ħsieb li jbiddel il-liġi b’deroga mill-Ewropa biex iħalli lir-raħħala żgħar ikollhom sa 7 nagħġiet flok erba’ biex jipproduċu l-ġbejniet mingħajr l-obbligu li jkollhom l-istandards Ewropej.

Jeanette Borg mill-Fondazzjoni taż-Żgħażagħ fl-Agrikultura, MAYA, qalet li dan ser iwassal biex fis-suq ikun hawn mal-40,000 elf ġbejna aktar u tibża’ li dan ser joħloq kompetizzjoni inġusta ma’ minn investa f’das-settur.

“It-tnejn jagħmlu l-istess ġbejna artiġġjanali imma hemm bżonn isir ċertu investiment biex l-affarijiet ikunu iktar kif xieraq għal konsumatur” qalet is-Sinjura Jeanette Borg.

Iżda s-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura Clint Camilleri qal li b’dan il-pass, ser tkun sostnuta aktar t-tradizzjoni tal-ġbejniet.

“Din it-talba ġiet mid-dilettanti, raħħala żgħar li ħafna drabi jrabbu nagħaġ u mogħoż fil-propjetà tagħhom. Aħna rridu nkomplu t-tradizzjonijiet u r-raħħala żgħar li joperaw f’żoni rurali madwar Malta u Għawdex” qal is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.

Il-Kap Uffiċjal Veterinarju Roberto Balbo qal li l-liġi tfasslet wara konsultazzjoni mal-assoċazzjoni tar-raħħala u għaddiet mill-għarbiel tal-Kummissjoni Ewropea. Żied jgħid li din ser timponi restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-ġbejniet mill-produtturi żgħar.

“This law provides this number of animals for those who can have a derogation manufacturing dairy products in a more traditional manner but can be only able to sell specific products only from the farm or in very specific market such as the farmer market of Ta’ Qali” qal is-Sur Balbo.

Dr Balbo sostna li s-servizz veterinarju xorta jagħmel l-ispezzjonijiet lill-merħliet u l-irziezet tar-raħħala żgħar. Spjega wkoll li l-ġbejniet li ser jipproduċu dawn ir-raħħala ma jistgħux jinbiegħu fil-ħwienet iżda xorta jrid ikollhom tabella ta’ informazzjoni għall-konsumaturi.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Il-Qorti tat kumpens ta’ €106,000 bħala danni lil familja wara inċident tat-traffiku fin-Naxxar li fih kien tilef ħajtu Karl Fenech. Huwa miet erbat ijiem wara li ttajjar waqt li kien…

Sajd

Is-settur tas-sajd u l-akkwakultura kien taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali li f’rapport li ppreżenta fil-Parlament elenka nuqqasijiet li osserva fis-supervizzjoni kontra s-sajd illegali mit-taqsima tal-infurzar tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura. Minkejja l-obbligi…

Lokali

F’intervista ma’ TVM, il-Kummissarju Elettorali Ewlieni, Joseph Church qal li f’Mejju tas-sena d-dieħla, ir-riżultati uffiċjali tal-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali se jinħarġu fi żmien 12 jew 14-il siegħa …

Aktar