Tibdil fl-għajnuna soċjali għas-single parents

Minn Jannar li ġej, single parents li jibdew jaħdmu se jibqgħu jżommu 65 fil-mija tal-għajnuna soċjali fl-ewwel sena, 45 fil-mija fit-tieni sena, u 25 fil-mija fit-tielet sena, filwaqt li min iħaddimhom se jkun qed igawdi minn 25 fil-mija tal-benefiċċju għall-ewwel tliet snin.

Kulma jaqalgħu mix-xogħol, kemm jekk full-time jew part-time, mhux se jkunu affettwati l-benefiċċji l-oħra li jieħdu.  Minn Jannar li ġej, single parent li tiżżewweġ persuna li tkun impjegata se tibqa’ tirċievi l-għajnuna soċjali, iżda se tonqsilha b’mod gradwali fuq medda ta’ tliet snin.

Dawk li qed jirċievu xi benefiċċju u ma jafux jekk hux intitolati għalih se jkollhom ċans sa Frar sabiex jirregolarizzaw ruħhom.  Min jinstab li kien jieħu benefiċċju li mhux suppost kien intitolat għalih se jeħel penali minima ta’ darba, sakemm ma jkunx każ ta’ frodi.

Għajnuna soċjali sakemm tarbija tagħlaq sena

L-għajnuna soċjali se titħallas sakemm it-tarbija tagħlaq sena, biex b’hekk l-omm tkun tista’ tidħol fil-Garanzija taż-żgħażagħ u tibbenefika miċ-childcare bla ħlas, inkella titwaqqfilha l-għajnuna soċjali.

Malli tispiċċa mill-garanzija tax-xogħol, l-omm trid jew tirreġistra għax-xogħol inkella tibda taħdem. Din il-miżura se tapplika wkoll għas-single parents.