Qorti
Tibqa’ arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata b’pussess ta’ 72 pakkett droga

Roxanne Grech ta’ 29 sena mill-Imsida, tressqet il-Qorti akkużata b’pussess ta’ 72 pakkett droga kokaina, eroina u kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu personali tagħha.

L-ispettur Justine Grech qalet li l-karozza tal-akkużata twaqqfet minn uffiċjali tal-pulizija qrib is-suq tal-ħut il-Belt Valletta, wara li l-pulizija irċievet informazzjoni kunfidenzjali.

L-akkużata wieġbet li mhix ħatja għall-akkużi li nġiebu kontriha.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest tagħha minħabba li Grech saret ukoll reċediva  għax wettqet reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża ta’ priġunerija li kienet ngħatat mill-Qrati ta’ Malta.

Il-Maġistrat Neville Camilleri ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest għax qal li m’huwiex sofisfatt li l-akkużata m’hijiex se terġa tikkometti r-reati li kienet akkużata bihom.

Ara wkoll:

Mara arrestata fil-pussess tad-droga fil-Belt Valletta