
Għaqdiet mhux Governattivi, il-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke u San Ġiljan u residenti ngħaqdu kontra l-iżvilupp privat propost fis-sit tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi. Bl-għajta “Tidfnuniex Ħajjin” huma esprimew tħassib li l-kobor tal-bini, li jinkludi torri ta’ 37 sular u lukanda maġenbu se joħloq dellijiet twal u wesgħin, li qalu se jaslu sal-impjant tar-Reverse Osmosis.
Semmew li l-istudju fuq l-Impatt Ambjentali qed jistma li dan il-proġett se jiġġenera madwar 7,500 vjaġġ bil-karozzi kuljum meta l-inħawi diġà mhux qed ilaħħqu mat-traffiku. Żiedu jgħidu li waqt li jkun għaddej ix-xogħol, li huwa kkalkulat li jdum tliet snin, ir-residenti se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħamsin vjaġġ kuljum ta’ trakkijiet kbar li jġorru l-materjal għall-bini.
Il-kelliema qalu li ma jistgħux jifhmu kif qed issir din il-proposta meta għad m’hemmx pjan komprensiv għal dawn l-inħawi. Huma qalu li se jressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom mal-awtorità tal-ippjanar waqt li staqsew jekk l-Awtorità hux se tħares l-interessi ta’ eluf ta’ residenti jew l-interess tal-qligħ ta’ ftit individwi.
Dwar dan il-proġett tkellem ukoll il-Partit Demokratiku, li fi stqarrija qal li l-proċess tal-applikazzjoni qed isir mingħajr National Masterplan u mingħajr Masterplan għal Paceville, minbarra li jmur kontra l-istess Pjan Lokali.
Il-PD qal li dan il-proġett hu wieħed li qed isir mingħajr Development Brief u għalhekk il-pubbliku qed jiġi mċaħħad minn opportunità ta’ konsultazzjoni, filwaqt li fakkar li hemm investigazzjoni għaddejja mill-Uffiċċju tal-Awditur dwar il-mod kif din l-art ingħatat lil DG group.


