Barranin
Tifel Afgan jingħaqad ma’ missieru wara ġimagħtejn waħdu fil-Qatar

Tifel Afgan ta’ tliet snin reġa’ ngħaqad ma’ missieru f’Toronto, il-Kanada wara li qatta’ dawn l-aħħar ġimagħtejn waħdu fil-Qatar.

It-tifel, imlaqqam Ali mill-midja internazzjonali, qatta’ l-aħħar ħmistax f’istitut fil-Qatar, wara li rnexxielu jsalva minn attakk suwiċida fl-inħawi tal-ajruport ta’ Kabul. Attakk, li ħasad il-ħajja ta’ aktar minn 170 Afgan kif ukoll ta’ 13-il suldat Amerikan. Dakinhar, iċ-ċkejken infired minn ma’ ommu u minn ma’ ħutu. Skont il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Qatar, iċ-ċkejken salva wara li ħa ħsiebu żagħżugħ ta’ 17-il sena, li kienlu ta’ spalla minnufih.

Wara titjira ta’ 14-il siegħa, iċ-ċkejken reġa’ ltaqa’ ma’ missieru wara li kien ilu ma jarah sentejn. Huwa kien ħalla l-art twelidu minħabba x-xogħol.

Stella Dshurina, uffiċjal fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda li ltaqgħet mat-tifel Afgan qabel ma ħalla l-ajruport ta’ Doha, iddeskriviet liċ-ċkejken bħala bilgħaqal u matur immens minkejja li għadu ħalib ommu fi snienu.

Omm it-tifel, erba’ ħutu u żewġ kuġini tiegħu wkoll irnexxielhom isalvaw mill-attakk suwiċida. Madankollu, skont rapporti, il-qraba ta’ Ali għadhom moħbija f’Kabul u jinsabu mbeżżgħa frott l-instabilità li ġab miegħu t-Taliban fil-pajjiż.