Kisbiet
Tifel bl-awtiżmu li ma jitkellimx jesprimi ruħu bi storja fi ktieb

Tifel bl-awtiżmu, huwa l-awtur ta’ ktieb li permezz tiegħu jirrakkonta dak li jiġri madwaru. Il-ktieb ‘Il-mawra tieghi fl-Ispazju’ ġie varat illum u permezz tiegħu t-tifel ried jgħaddi messaġġ lil tfal oħrajn li bħalu jbatu mill-awtiżmu.

“Il-mawra tiegħi fl-ispazju” jiddokumenta l-vjaġġ ta’ Beppe Caruana fid-dinja, bħala tifel li għandu diffikulta biex jitkellem minħabba l-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Permezz tal-ktieb, Beppe li għandu disa’ snin, sab il-libertà kif jesprimi lilu nnifsu mingħajr it-toqol li jgġaddi minnu kuljum minġabba li ma jistax jitkellem. Permezz tal-ktieb huwa seta’ jgħajjat u jċapċap mingħajr ma jsib lil ħadd jiċċassa lejh.

Omm Beppe, Olivia Galea Seychel, qalet li permezz ta’ sistema ta’ kommunikazzjoni, it-tifel juri l-ittri ta’ kull kelma li jkun irid jgħid lil ommu.

“Kif qabad dan il-metodu bdejt niskoppri l-abbiltajiet ta’ Beppe, li Beppe jifhem kollox, kont naħseb li kien jifhem bl-Ingliż biss, skoprejt li jifhem bil-Malti tajjeb ħafna, imbagħad beda juri Beppe hu min hu, u jesprimi d-diffikultajiet tiegħu, xi tfisser li jkollok l-awtiżmu, u qisu minn hemmhekk nibtet l-idea, ‘isma’, għalfejn ma tibdiex tikteb?’, u hemmhekk qalli li ried jikteb storja.”

Fl-istorja Beppe wera li minkejja li xi kultant jidher aljenat minn dak li jkun qiegħed jigri fil-fatt huwa konxju ta’ dak kollu li qiegħed jiġri madwaru, fosthom l-impatt tal-pandemija tal-COVID fuq il-komunità.

“Trid temmen fl-abiltajiet ta’ wliedek. Ma trid tara qatt għax it-tifel tiegħek għandu kundizzjoni, allura taħseb li ma għandux abbiltajiet. Il-kundizzjoi qiegħda hemmhekk imma trid temmen f’uliedek. It-tfiel għandu kundizzjoni, għandu diffikultà biex jitkellem, imma ma jfissirx li ma jaħsibx u ma jifhimx u ma għandux x’jaqsam u x’jikkomunika. Naħseb għandu ħafna x’jikkomunika u jagħmel ħafna iktar b’sens minn ħafna nies li jgħidu ħafna.”

Waqt it-tnedija tal-ktieb, il-President emeritu u l-President tal-Malta Trust Foundation Marie Louise Coleiro Preca, qalet li l-ktieb ta’ Beppe huwa eżempju ċar tal-kapaċitajiet immensi ta’ dawn it-tfal, u jgħin biex titkisser l-istigma li hemm madwar id-diżabbiltà

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet l-ktieb huwa prova ċara ta’ kemm huwa importanti li l-edukazzjoni tkun inklussiva b’servizzi li jkunu adattati għal kull każ partikolari.