Kronaka
Tifel isib 2 bombi żgħar tat-Tieni Gwerra Dinjija u jeħodhom miegħu d-dar

Tifel ta’ 15-il sena sab żewġ bombi żgħar tat-Tieni Gwerra Dinjija u ħadhom miegħu d-dar.

Dan wassal biex ilbieraħ Trejqet il-Liedna f’Santa Luċija ġiet evakwata. Kienu għall-ħabta tat-8:15 pm meta l-Pulizia rċeviet rapport mingħand missier, li ibnu ħa miegħu d-dar żewġ bombi li kien sab meta kien barra.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ TVM li l-bombi sabhom f’Għajn Tuffieħa fejn il-barracks.

Bħala miżura ta’ prekawzjoni l-pulizija evakwat ir-residenti li joqogħdu viċin u membri tal-AFM tat-taqsima tal-isplussivi marru fuq il-post.

Wara li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll ir-residenti tħallew jidħlu fi djarhom. Ħadd ma weġġa’ fl-inċident.