Stejjer Umani
Tifel jitwieled f’Mater Dei ftit wara li ajruplan niżel b’emerġenza

Tifel twieled qawwi u sħiħ wara li lbieraħ filgħaxija ajruplan tat-Turkish Airlines tniżżel f’Malta b’emerġenza minħabba li mara bi tmien xhur tqala kienet se twelled.

It-tifel twieled f’Mater Dei għall-ħabta tad-9.00pm, mat-tliet sigħat wara li l-ajruplan niżel f’Malta, minflok ma baqa’ sejjer lejn il-Mali, wara li telaq mit-Turkija.

Peress li l-mara kienet waħedha, minflok fil-qraba, sabet sostenn fl-istaff tas-sala tal-maternità ta’ Mater Dei, li trattaw lill-omm daqslikieku kienet waħda minnhom.

TVM infurmat li l-mara kienet ilha seba’ sigħat l-ajruport fit-Turkija tistenna t-titjira lejn il-Mali, fejn kienet sejra biex tingħaqad ma’ żewġha.

Sadanittant, il-Malta Radar xandar fuq il-midja soċjali l-konverżazzjoni bejn il-bdot tal-ajruplan u l-uffiċjal Malti tal-control room, li matulha l-bdot talab permess biex jinżel f’Malta minħabba li abbord kellu mara bi tmien xhur tqala li kien infaqgħalha l-ilma.