Immigrazzjoni
Tifel li għereq fil-Kanal Ingliż u spiċċa n-Norveġja se jintbagħat lura pajjiżu

Il-Pulizija Norveġiża ħabbret li l-katavru li kien instab fix-xatt tal-pajjiż fl-1 ta’ Jannar li għadda kien dak tat-tifel ta’ 15-il xahar li f’Ottubru li għadda għereq ma’ membri tal-familja tiegħu fil-Kanal Ingliż.

It-tifel, li kien jismu Artin, għereq mal-ġenituri Rasoul u Shiva ta’ 35 sena kif ukoll ma’ ħutu Anita ta’ disa’ snin u Armin ta’ sitta.

Fid-dgħajsa kien hemm madwar 15-il immigrant ieħor li ġew salvati li wkoll kienu Kurdi li jgħixu fl-Iran.

Il-familja ħalliet il-belt ta’ Sardasht, li tinsab fl-Iran viċin il-fruntiera mal-Iraq, u kienet sejra lejn l-Ingilterra minn Franza meta seħħet it-traġedja.

Il-katavru tat-tifel ġie identifikat minn test tad-DNA wara li ttieħdu kampjuni ta’ familjari oħra u se jintbagħat lura l-Iran biex jiġi midfun hemm.