Barranin
Aġġornat: Tifel ta’ 9 snin jinqatel b’sajjetta waqt li kien qed jilgħab fi grawnd tal-futbol fir-Renju Unit

Jordan Banks, tifel ta’ 9 snin minn Blackpool miet wara li ntlaqat minn sajjetta waqt sessjoni ta’ taħriġ tal-futbol fi grawnd fir-Renju Unit. Il-każ seħħ fi Blackpool għall-ħabta tal-5.00pm, ħin lokali.

Il-Pulizija ta’ Lancashire qalet li t-tifel ittieħed l-isptar iżda b’xorti ħażina ma salvax. Stqarret li l-istħarriġ fil-kawża tal-mewt għadhom għaddejjin, iżda l-ewwel indikazzjonijiet huma li ntlaqat minn sajjetta.

Is-sessjonijiet ta’ tliet timijiet li kellhom jitħarrġu fl-istess grawnd ġew ikkanċellati minħabba l-maltempata. Huwa mifhum li t-tifel kien qed jitħarreġ f’sessjoni privata.

Intant kienu eluf il-partitarji ta’ Liverpool li sellmu li Jordan, imfisser bħala tifel straordinarju, li kien strumentali biex inġabru tlett elef sterlina għal organizzazzjoni li tgħin persuni li jbatu minn saħħa mentali fosthom iz-ziju tiegħu li kien miet b’suwiċiju fl-2019.

Jordan, imqallam bħala “mini-Milner” għat-talent tiegħu fil-grawnd, gera tletin mil f’għaxart ijiem. Huwa kellu l-appoġġ tal-vice-captain ta’ Liverpool James Milner li fi tmiem il-ġirja, bagħatlu flokk iffirmat minnu u messaġġ b’vidjo li fih faħħru tal-inizjattiva li ħa biex jgħin persuni li jbatu b’mard mentali.

Fl-istess waqt kienu mijiet li poġġew fjuri u kartoli fuq il-grawnd tal-futbol li tih seħħet id-diżgrazzja b’tislima għal dan it-tfajjel altruwist.