Tifel ta’ għaxar snin jgħid li s-swat bħala dixxiplina hu ġustifikat

Fl-aħħar ta’ Awissu 2019, tifel ta’ għaxar snin qal li jaħseb li s-swat fuq it-tfal bħala forma ta’ dixxiplina, huwa importanti. Dan il-kliem qalu waqt avveniment The Children’s Hub imtella’ mill-Fondazzjoni Maltija għal-ġid tas-Soċjetà fejn attendew mal-550 student.

Waqt l-istess avveniment tfal oħra qalu li s-swat f’darhom kien xi ħaġa normali biss minkejja li mhix xi ħaġa li togħġobhom jemmnu li huwa aġir ġustifikat, jekk ikunu għamlu xi ħaġa ħażina. Glen Gauci, rappreżentant mill-uffiċċju tal-Kumissarju tat-tfal ammetta li dawn il-kummenti huma nkwetanti għaliex jistgħu jfissru li meta dawn it-tfal ser isiru ġenituri se jipprattikaw l-istess aġir għaliex ma jafux aħjar. Il-Psikoterapista Speċjalizzata fit-tfal, Elena Borġ spjegat li t-tfal mhumiex kapaċi jagħmlu distinzjoni fuq min qiegħed jagħmel il-ħażin. F’għajnejn it-tfal ma jistax ikun li wieħed mill-ġenituri jista’ jkun qiegħed jiżbalja meta jsawwat lil uliedu, għalhekk il-bint jew l-iben jaċċetta li l-aġir tal-ġenitur huwa tajjeb, ġustifikat u ta’ eżempju.

‘Popolin’ tkellem mal-President Emeritu Mary Louise Coleiro Preca, li kemm meta kienet fil-kariga ta’ president kif ukoll issa li tippresjedi il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà dejjem tkellmet kontra kull tip ta’ vjolenza fuq it-tfal. L-Eċċellenza tagħha spjegat li għalkemm sar avvanz kbir f’dan il-qasam mill-2014 sa llum, tibqa’ l-problema tal-mentalità; “Hemm bżonn naħdmu fuq proċess ta’ għarfien dwar l-implikazzjonijiet li dan l-aġir jista’ jkollu fuq il-ħajja tat-tfal”. Hija qalet li meta ġenitur jerfa’ jdejh fuq uliedu, ikun qiegħed inaqqas mid-dinjità tal-persuna, ikun qiegħed jhedded id-dritt fundamentali uman ta’ dak it-tifel jew tifla; “ejja nitgħallmu li meta nerfgħu idejna fuq xi ħadd, inkunu qegħdin niksru d-drittijiet umani ta’ dik il-persuna”. Żiedet tgħid li meta wieħed jerfa’ jdejh fuq uliedu ma jieħu xejn ħlief li jiżvoga fil-mument. Spjegat li dan l-aġir iħalli mpatt negattiv fuq l-ulied għaliex hemm iċ-ċans li meta jikber jagħmel l-istess fuq uliedu, tkun qed iżid ir-riskji li jikber fih sens ta’ aggressività u mġieba anti-soċjali kif ukoll tinfluwenza b’mod ħażin is-saħħa mentali tiegħu/tagħha; “jien naqbel ma kwalunkwe miżura li twaqqaf is-swat fuq it-tfal, għaliex jien favur id-drittijiet umani”.

Ara l-programm kollu hawnhekk:-

Popolin