Qorti
Tifel Ukren jirrifjuta li jirritorna pajjiżu – irid jibqa’ jgħix Malta m’ommu

Tliet imħallfin iddeċidew li ma jibagħtux tifel Ukren ta’ 12-il sena lura pajjiżu wara li kkonkludew li tkun iktar ta’ trawma għalih jekk jiġi sfurzat jagħmel dan milli jkompli jgħix ma’ ommu hawn fejn jinsab kuntent.

Il-ġenituri tat-tifel iżżewġu fl-2009 u fl-istess sena kellhom lit-tifel madankollu fl-2016 isseparaw.

Sentejn wara l-missier beda relazzjoni ma’ mara oħra u llum jgħix magħha fejn anke għandhom tifel.

L-omm ġiet Malta ma’ binha fl-2019 u minħabba li ma kellux iktar kuntatt ma’ ibnu l-missier talab lill-awtoritajiet Ukreni jieħdu l-passi neċessarji biex it-tifel jirritorna l-Ukrajna.

Għalkemm fl-2020 il-Qorti Maltija rrifjutat it-talba tiegħu l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali feħet proċeduri fil-Qorti biex it-tifel jiġi ritornat pajjiżu.

Il-missier ried li ibnu jgħix mal-ġenituri tiegħu jiġifieri n-nanniet tat-tifel madankollu l-istess tifel għamilha ċara li la ried jgħix ma’ missieru u lanqas man-nanniet kemm min-naħa ta’ missieru kif ukoll min-naħa t’ommu.

It-talba nstemgħet quddiem l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo, Tonio Mallia u Anthony Ellul.

Huma għamluha ċara li huwa ta’ tħassib li l-missier irid li t-tifel jinżamm mill-ġenituri tiegħu.

It-tliet imħallfin għamluha ċara li jinsabu konvinti li jekk jittieħed lil ommu t-tifel jista’ jgħaddi minn trawma.

Huma qalu li t-tifel iddikajra li ma jridx imur lura l-Ukrajna u ma’ psikologu stqarr li jixtieq jibqa’ jgħix ma’ ommu f’Malta.

Kien għalhekk li ma laqgħux it-talba tal-awtoritajiet lokali biex it-tifel jiġi ritornat lejn l-Ukrajna.