Lokali
Tiffalsifika dokumenti biex tieħu l-kura b’xejn f’Mater Dei

Omm ta’ tarbija tat-twelid ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbet li mhix ħatja t’akkużi li ffalsifikat “pay slips’ biex tevita li tħallas għas-servizzi mediċi li ngħatat meta welldet fl-isptar Mater Dei. L-Omm, Ksenija Kojovic mis-Serbja li tgħix f’San Pawl il-Baħar ddikjarat li kellha mpjieg f’Malta u għalhekk kellha d-dritt għall-kura tas-saħħa b’xejn meta weldet lit-tarbija tagħha f’Settembru li għadda. Hija ppreżentat il-‘pay slips’ foloz biex tagħti prova tad-dikjarazzjoni tagħha.

Il-mara li rrizulta li ma taħdimx tinsab akkużata bi frodi ta’ madwar €1,300 u li għamlet użu minn dokumenti foloz. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li l-prosekuzzjoni kkonferemat li sakemm il-mara kienet fuq police bail, ikkoperat u dejjem żammet l-appuntamenti mal-Pulizija. Ingħad ukoll li l-mara m’għandhiex il-ħsieb li taħrab minn Malta għax missier it-tarbija jgħix u jaħdem f’Malta.

Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u bil-kundizzjoni li tiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.