Lokali
Tifla Ukrena titgħallem il-Malti f’sentejn u nofs

Il-Malti miktub spiss jikkonfondi li kull minn jiktbu. Iżda, il-Kulleġġ San Injazju jaf sab tarf tal-problema b’app u software interattiv li bih qed jittama li jgħin lill-istudenti jevitaw żbalji ortografiċi.

L-impressjoni ġenerali ta’ ħafna Maltin u barranin hi li l-Malti hu diffiċli ħafna biex titgħallmu. Madankollu tifla Ukrena, Veronika Sytntik tgħallmitu f’qasir żmien.

“Għandi 14-il sena ilni noqgħod għal ħames snin u nofs bejn wieħed u ieħor… inħobb il-lingwi – ma sibtux diffiċli però bħala lingwa mhux faċli”, qalet Veronika.

L-għalliema tal-Malti konxji minn din l-isfida iżda bħalissa jinsabu mħassbin aktar bil-mod kif l-istudenti qed jiktbu l-Malti b’żieda ta’ żbalji ortografiċi.

Alan Saliba, Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-kulleġġ San Injazju qal li daħlet id-drawwa li kulħadd jikteb b’mod konvenjenti mingħajr ma josserva r-regoli tal-ortografija u tal-grammatika.

“Nemmen li l-mezzi teknoloġiċi jfixklu ħafna l-istudenti għax jiktbu ħafna bl-addoċċ mingħajr ma joqogħdu jagħtu kas fejn hemm konsonanti doppja, fejn hemm l-“ie” jew l-“għ” basta dak li jkun jinftiehem u dan jiġi trasmess fil-mod kif jiktbu, anke ninnutaw nuqqas kbir ta’ qari”, qal il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Kulleġġ San Injazju, is-Sur Alan Saliba.

Rachel Paris studenta fir-raba’ sena tas-sekondarja temmen li l-qari hu l-aħjar għodda għall-Malti miktub u mitkellem tajjeb.

“Il-qari hu pedament importanti jiġifieri anke dak li jkun isib ktieb li veru jogħġbu dak li jkun mingħajr ma jrid jidħlulu f’moħħu kliem tajbin anke meta jiġi biex jikteb”, qalet Rachel.

Konxji li t-teknoloġija qed taffettwa l-Malti miktub tajjeb, it-tmexxija tal-Kulleġġ qed taħdem fuq proġett innovattiv biex l-istudenti jsaħħu l-ortografija.

“Se noħolqu software interattiv ħafna biex aħna nkunu nistgħu nindirizzawh l-istudenti ħalli anke huma jittestjaw lilhom infushom kif joħorġu minn din il-problema tal-ortografija u hekk ovvjament il-lingwa Maltija tingħatalha d-dinjità li jistħoqqilha”, qal is-Sur Saliba.

Dan il-proġett se jsir fost l-oħrajn bl-għajnuna tal-fondi li l-kulleġġ kiseb bir-rebħ tal-kategorija tal-iskejjel tal-Premju Frans Sammut li jippremja l-użu tajjeb tal-Malti.

“Kienet ix-xewqa ta’ Frans li dan il-premju jingħata lil dik l-iskola, individwu jew istituzzjoni li tippromwovi l-imħabba materna u t-tixrid tal-kultura Maltija”.

Kull individwu, skola, kunsill lokali, għaqda jew kumpanija tista’ tieħu sehem fit-tielet edizzjoni tal-Premju Frans Sammut bin-nomini jintlaqgħu fil-Ministeru tal-Edukazzjoni sas-7 ta’ April waqt li l-premjazzjoni ssir fit-12 ta’ Mejju.

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

Mis-sala tal-għadd tal-voti, dawk preżenti jinsabu fil-fażi tal-aġġudikazzjoni tal-vot – fejn il-voti li warrbu l-iscanners iridu jiġu aġġudikati mir-rappreżentanti tal-partiti fejn jieħdu deċiżjoni finali fuqhom. Il-proċess tat-35,00o vot aġġudikati jitlob…

Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qasam xi ritratti fuq il-midja soċjali biex jirringrazzjja lil dawk kollha li ħadmu qatigħ f’dawn l-aħħar tliet ijiem, hekk kif saret l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali 2019….

Elezzjoni

Mistoqsi dwar ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li anke fil-perjodu li l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, matul dawk il-25 sena, beda jnaqqas fil-voti. Spjega…

Aktar