Kultura
Tiftakar lill-Prinċipessa Eliżabetta titlob fuq il-ġinokkjatur f’Villa Gwardamangia

L-istorja tal-persuni li għexu u kienu midħla ta’ Villa Guardamangia qegħdin iservu ta’ għajnuna siewja għall-proċess ta’ restawr li qiegħda tmexxi Heritaga Malta, biex il-Villa terġa tinġieb fl-istat li kienet meta kienet toqgħod fiha l-Prinċipessa Eliżabetta.

Elizabeth Pule, li hija waħda mill-ftit persuni li kienu jiffrekwentaw il-Villa dak iż-żmien, ġeddet il-memorji tal-Villa, hekk kif qatgħet xewqitha li terġa’ tidħol fiha wara tant snin.

Sebgħin sena mindu daħlet għall-aħħar darba f’Villa Guardamangia, Elizabeth Pule reġgħet rifset l-għatba tal-Villa u daret il-kmamar li qattgħet ġranet sħaħ tiġri fihom meta kienet tifla, waqt li ommha kienet qiegħda xogħol fil-Villa. Ommha Jessie kienet tieħu ħsieb l-affarijiet tal-Prinċipessa Eliżabetta meta kienet tkun Malta flimkien mad-Duka ta’ Edinburgh.

Waqt li kienet qiegħda ġġeded il-memorji fid-diversi kmamar li qegħdin jiġu rrestawrati, issa li l-Gvern xtara din il-proprjetà, Elizabath ħaditna fejn kien hemm il-kamra tas-sodda tal-Prinċipessa u ftakret kif ommha Jessie kienet tgħid kemm baqgħet impressjonata meta rat lil Prinċipessa titlob fuq il-ġinokkjatur.

Iżda l-aktar mument kommoventi għal Elizabeth kien meta reġgħet daħlet fil-kamra li kellha ommha fil-Villa. “Meta kienu joħorġu l-Prinċipessa u Philip l-mamà kienet tgħidli ‘oqgħod għassa ħalli nara jekk telgħux,’ għax kienet tkun moħħha fihom… kienu qishom it-tfal tagħha. Ara x’memorji ġġiblek kamra bħal din! Il-mamà kienet rispettata ħafna hawnhekk, kollha kienu jafuha, Sergeant Major Jessy kienu jgħidulha.”

Il-kap tal-operat ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, li qiegħed jiġbor informazzjoni dwar il-Villa bħala parti mir-restawr, qal li l-kontribut ta’ persuni bħal Elizabeth huwa kruċjali biex il-Villa tinġieb fl-istat li kienet fil-ħamsinijiet.

“Hija tip ta’ informazzjoni li aħna nistgħu nġibuha biss minn nies bħal Ms Elisabeth Pule illi għandha dik l-informazzjoni peress li għexithom, affarijiet bħal dawn ma nistgħux insibuhom fl-arkivji, nistgħu nsibuhom biss min-nies li għexuhom, u li llum huma ftit ħafna, u allura huwa ta’ importanza kbira li jiġu dokumentati.”

Waqt li wrietna t-tifkira tal-mewt tal-Prinċep Philip li għada kif irċviet, it-tama ta’ Elizabeth hija li tara Villa Guardamangia restawrata fi ftit snin oħra. “Jekk inkun għadni ħajja, nixtieq naraha!”