Stejjer Umani
“Tiġġudikawnix fuq il-kulur tal-ġilda imma fuq kif nittratta lil ħaddieħor”

Daqet il-mibegħda razzjali fl-età tenera ta’ seba’ snin… iżda baqgħet għaddejja. Illum Sarah Choual hija studenta u atleta ta’ suċċess.

L-intolleranza u l-mibegħda abbażi tar-razza jeħtiegu aktar taħrig kemm għal l-istudenti u kemm għall-għalliema, kif qaltilna Dr Louise Chircop, lekċerer tas-Soċjoloġija fl-Edukazzjoni

Madwar 10 snin ilu l-istudenta u atleta Sarah Choual kellha l-ewwel esperjenza li ma kinitx qiegħda tistenna. Kienet okkażjoni li mmarkatilha t-tfulija tagħha għax ġiegħlitha temmen li la hi ta’ karnaġġjon skur hija inqas minn ħaddieħor.

“Din l-esperjenza li fetħitli għajnejja u għidt ‘mela n-nies jittrattawni differenti għax nidher differenti’ … kelli seba’ snin, kont l-iskola u ġie tifel tampari u qalli ‘inti sewda'”.

Hija beżgħet minħabba li t-tifel heddidha b’ħajjitha u rrakkuntat li meta ntqal dan id-diskors dispreġġjattiv fil-konfront tagħha l-għalliema ma kinitx taf kif se tindirizza s-sitwazzjoni li żviluppat bejn iż-żewġ studenti.

“Kien hemm telefon iswed ħdejna, ħarset lejn it-tifel, qabdet it-telefon u qalet ‘dan iswed, din mhijiex’. Ir-razziżmu hemmhekk baqa’ għax ma tgħallimx li m’għandekx tiddiskrimina … tgħallem li m’għandekx tgħidha. Sfortunatament għalhekk ma jiqfux l-esperjenzi li jien u ħafna nies differenti jesperjenzaw”.

Sarah sostniet ma’ TVM li hi u tikber il-kliem bdiet tifhmu aktar u l-weġgħat ma naqsux. Hija qalet li konvinta li dan huwa riżultat in-nuqqas ta’ tagħrif u għarfien li hawn fuq id-diversità u t-tolleranza lejn razez differenti.

“Per eżempju, fis-sekondarja qaluli ‘Indjana maħmuġa’ … m’hemmx biżżejjed edukazzjoni fuq dawn l-affarijiet u aktar milli m’hemmx biżżejjed edukazzjoni dwar l-affarijiet il-konsegwenzi jmorru fuq il-vittma”.

Iż-żagħżugħa qalet li l-familja tagħha batiet magħha għax ebda ġenitur ma jrid lil uliedu jweġġa’.

Minkejja dan, it-tfajla rrakkuntat ma’ TVM li għandha ħolma għall-futur.

“Nixtieq li naslu f’punt li aħna niġġudikaw lil xulxin fuq l-abbilitajiet tagħna u fuq il-persuna li aħna … jekk ħa tiġġudikani iġġudikanti kif nittratta lil ħaddieħor”.

Tkellimna mal-lekċerer tas-Soċjoloġija fl-Edukazzjoni Louise Chircop li spjegat li jeħtieġ ħafna tagħlim mhux mat-tfal biss iżda wkoll mal-għalliema.

Hija saħqet li trid titqajjem kuxjenza fost l-għalliema mhux biss dwar ir-razziżmu iżda wkoll dwar id-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ u persuni b’diżabilità.

“L-ewwel ħaġa jrid ikollna għarfien tagħna nfusna … tissejjaħ ‘awareness’ … ta’ aħna kif naħsbu u x’inhuma l-preġudizzji tagħna … x’inhuma l-affarijiet li jdejquna fin-nies … għax imbagħad minn hemm tkun tista’ tirranġa l-imġiba tiegħek lejn ħaddieħor”.

Dr Chircop qalet li wasal iż-żmien li avvenimenti bħall-qtil ta’ George Floyd u Lassana Cisse jiġu diskussi biex wieħed jagħraf it-tajjeb mill-ħażin.

“L-iskejjel kollha misshom waqqfu u dik il-ġurnata misshom indirizzaw dan il-qtil razzjali … x’ġara … għala ġara hekk … hemm xi ġustifikazzjoni li ovvjament li m’hemmx … u lit-tfal iġġiegħlhom jaħsbu naqra dwar dak li ġara”.

Il-lekċerer saħqet li bil mod il-mod l-affarijiet qegħdin jinbidlu u wriet ruħha ottimista li kulma jmur il-Maltin se jadattaw iktar għall-multikulturaliżmu u d-diversità fis-soċjetà tagħna.