Barranin
Tiħrax it-taqtigħa bejn Donald Trump u Kim Jong-un

Tkompli t-taqtigħa bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un.

Wara li l-Awtoritajiet Ċiniżi taw struzzjonijiet biex il-banek tagħhom ma jkomplux bin-negozju tagħhom mal-Korea ta’ Fuq, Donald Trump iffirma ordni ġdida biex isaħħaħ is-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq minħabba l-programm nukleari tiegħu. Fil-mira ta’ din l-ordni hemm il-kumpaniji u istituzzjonijiet finanzjarji li jidħlu f’negozju mal-Korea ta’ Fuq.

Din il-miżura daħlet fis-seħħ f’anqas minn ħmistax biss wara li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda approva sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq. Minkejja l-miżura, il-Korea ta’ Fuq xorta kompliet għaddejja bil-provi nukleari tagħha u sparat missili ballistiċi lejn il-Ġappun.

Min-naħa tiegħu, il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un qal li d-diskorsi tal-President Amerikan Donald Trump qed jikkonvinċuħ li huwa qiegħed fin-naħa t-tajba u qed jagħmel tajjeb li jipproduċi l-armi għall-pajjiżu.

Fuq il-midja tal-Istat, Kin Jong-un iddeskriva lil Trump bħala miġnun u saħaq li se jħallas qares għad-diskors li għamel fin-Nazzjonijiet Magħquda.

Nhar it-Tlieta li għadda, waqt li kien qed jindirizza t-72 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, irrefera għal Kim Jong-Un bħala rocket man li qiegħed fuq missjoni suwiċidali  u saħaq li jekk l-Amerka se tkun sfurzata biex tiddefendi lilha nnifisha, se teqred totalment il-Korea ta’ Fuq.

Fil-jiem li għaddew għal kull prova nukleari li wettqet il-Korea ta’ Fuq, l-Istati Uniti wieġbet b’sanzjonijiet, li kull ma jmur dejjem bdew jiħraxu. Min-naħa tiegħu Kim Jong-un kien hedded li jispara missila fuq Guam, li hi territorju tal-Istati Uniti.

Intant il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq, Ri Yong-ho ddeskriva d-diskors ta’ Donald Trump bħala nebħa ta’ kelb u hedded li Phongyang lesta biex tipprova bomba ta’ idroġenu fil-Paċifiku, li fi kliemu tista’ tkun waħda mill-aktar qawwija li qatt ġiet ippruvata.

 

Ara wkoll: Trump jgħid li l-Amerka se tkisser lill-Korea ta’ Fuq jekk din ma tibdilx it-triq tagħha