COVID-19
Tilbes maskra u mill-ewwel jittappanlek in-nuċċali?

Biex tidħol f’ħanut jew tuża t-trasport pubbliku issa bil-liġi trid tilbes maskra minħabba t-tixrid tal-Covid-19 fil-kommunità.

Iżda dawk bin-nuċċali qed isibu intopp ġdid…malli jilbsu l-maskra qed jittappnilhom in-nuċċali u jispiċċaw ma jarawx akka.

Ir-Royal College of Surgeons of England, f’artiklu ppubblikat fl-2011 jispjega li dawk bin-nuċċali jispiċċaw jittappnilhom il-ħġieġ meta jilbsu l-maskra minħabba n-nifsijiet sħan li jitilgħu ‘l fuq. In-nifsijiet jispiċċaw jikkawżaw kondensazzjoni mal-ħġieġ tan-nuċċali u dak li jkun jispiċċa jara ċ-ċpar.

Iżda rimedju għal kollox hemm u tista’ tagħżel li tixtri maskra li tissikka sew mal-imnieħer b’hekk ma joħorġux in-nifsijiet sħan.

Tista’ wkoll issolvi l-problema billi tqiegħed tissue mal-parti ta’ fuq tal-maskra biex tassorbi n-nifsijiet jew inkella tagħżel li taħsel in-nuċċali bl-ilma u s-sapun qabel ma tintlibes il-maskra. Dan tal-aħħar huwa metodu effettiv ukoll l-għaliex l-ilma u s-sapun irabbu lega rqiqa li twaqqaf il-kondensazzjoni.

Dawn dejjem għandhom isiru wara li wieħed jaħsel idejh sew qabel ma jaqbad il-maskra.