Saħħa
Tilqim bla ħlas kontra l-influwenza staġjonali

L-awtorità tas-saħħa mill-ġimgħa d-dieħla ser jibdew kampanja ta’ tilqim bla ħlas kontra l-influwenza staġjonali. Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li s-sena l-oħra 16% tal-popolazzjoni ħadet l-influwenza u ċ-ċifra tista’ tkompli tonqos bil-prevenzjoni tat-tilqima. Qal li l-gvern ordna mal-mitt elf tilqima waqt li saħaq li din hija sigura.

Is-sena li għaddiet 16% tal-popolazzjoni f’Malta nħakmet għal xi ġranet mill-influwenza. Dan ifisser 162 każ ta’ influwenza kull elf persuna. L-agħar perjodu kien fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar. Kull sena madwar id-dinja jmutu 300,000 persuna minħabba l-influwenza.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-influwenza staġjonali tolqot wieħed minn kull seba’ persuni. Qal li għal darb’oħra l-Gvern qed jagħti t-tilqima kontra din l-influwenza bla ħlas. Min-nhar it-Tnejn fiċ-ċentri tas-saħħa, din it-tilqima se tibda tingħata lit-tfal taħt il-ħames snin, lill-adulti ta’ ‘l fuq minn 55 sena, u lil dawk il-persuni li għandhom mard kroniku. Mit-Tnejn ta’ wara mbagħad din se tingħata bla ħlas lil kulħadd.

Il-Ministru Chris Fearne qal li s-sena li għaddiet tlaqqmu 87,000 persuna biex skansaw l-effetti tal-influwenza. Il-protezzjoni kontra l-influwenza minbarra li hija tajba għas-saħħa tal-individwu tevita wkoll kura fl-isptar.

”L-influwenza kull sena tħalli konsegwenzi serji kemm ta’ mard u anke fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Jiġifieri aħna bħas-sena li għaddiet qed nerġgħu nagħmlu kampanja qawwija biex jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies. Għandna ordnati ‘l fuq minn 100,000 tilqima. Dis-sena qed nużaw tilqima b’saħħitha, tkopri iżjed milli konna nużaw fis-snin li għaddew.

Il-Ministru Fearne spjega li t-tilqima hija sigura u żied jgħid li ddum minn ġimagħtejn sa erba’ ġimgħat biex tilħaq il-qofol tal-effettività tagħha u għalhekk min jeħodha issa jkun kopert sew meta l-influwenza tkun bdiet tinxtered.

Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li Malta, bħall-pajjiżi l-oħra fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, tagħmel monitoraġġ tal-każi tal-influwenza. Il-Professur Gauci qalet li fost il-benefiċċji tat-tilqima hemm dik li l-popolazzjoni tkun protetta. Sostniet li nisa tqal ukoll jistgħu jieħdu din it-tilqima.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-gvern ħabbar il-ftuħ tal-istaġun tal-insib tal-ħarifa għal żewġ speċi: il-pluviera u l-malvizz. Fi stqarrija tas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ntqal li wara li evalwa r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat Ornis, l-istaġun…

Sport

Fit-tielet logħba tagħhom fil-Kampjonat tal-Amateurs, it-tim ta’ Syria Gżira FC kiseb l-ewwel rebħa bl-iskor ta’ 3-1 kontra Fleur De Lys FC. Il-player Lucky Chizobor skurja żewġ gowls filwaqt li Julius…

Saħħa

Ilbieraħ filgħaxija għadd ta’ nies nġabru quddiem iċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara għal mixja simbolika bħala parti mix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, magħruf bħala Pink October. Din is-sena n-nisa u l-irġiel…

Lokali

L-invażjoni Torka fit-Tramuntana tas-Sirja ġiet ikkundannata mill-komunità Kurda f’Malta li bl-appoġġ tal-Moviment Graffitti organizzaw manifestazzjoni paċifika quddiem l-Ambaxxata Torka fil-Floriana. Huma kkundannaw dak li sejħu bħala assalt brutali u mingħajr…

Aktar