COVID-19
Tilqima ġdida għall-COVID-19 – il-kumpanija Moderna tgħid li hija 94.5% effettiva

Il-kumpanija bbażata l-Istati Uniti, Moderna, irrappurtat li t-tilqima sperimentali li żviluppat sa issa wriet li hi kważi 95% effettiva biex tippreveni l-COVID-19.

Skont il-kumpanija Amerikana ‘Moderna’ it-tilqima ġdida li żviluppat biex tipproteġi lin-nies mill-COVID-19 hi 94.5 fil-mija effettiva. Il-ġimgħa li għaddiet, kumpanija oħra Amerikana, Pfizer irrappurtat riżultati simili fil-livell ta’ madwar 90 fil-mija iżda l-provi għadhom għaddejjin u n-numri jaf jinbidlu.

Iż-żewġ kumpaniji qed jużaw metodu innovattiv u sperimentali ħafna biex jiżviluppaw it-tilqim tagħhom. Huma qed jippjanaw li fil-ġimgħat li ġejjin jiksbu l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji bil-għan li fl-iqsar żmien possibbli, dawn it-tilqim jibdew jingħataw lin-nies madwar id-dinja.

Minkejja dan l-iżvilupp imfisser pożittiv, esperti qalu li dan hu tagħrif bikri ħafna u għad ħafna mistoqsijiet x’jiġu mwieġba fosthom dwar it-tul tal-effett tat-tilqima u effetti oħrajn li jista’ jkollha fuq saħħet il-persuna li jeħodha.

It-testijiet ta’ Moderna saru fost 30,000 persuna fl-Istati Uniti b’nofshom jingħataw żewġ dożi tat-tilqima f’temp ta’ erba’ ġimgħat. L-analiżi xjentifika kienet ibbażata fuq l-ewwel 95 persuna li żviluppawlhom sintomi tal-COVID-19 u ħamsa biss instabu pożittivi għall-virus. Il-kumpanija qalet li b’hekk it-tilqima qed tipproteġi 94.5 fil-mija tan-nies.

Is-sidien tal-kumpanija qalu li jinsabu sodisfatti immens bir-riżultati miksuba.

Qed ikun rappurtat li vantaġġ ewlieni tat-tilqima ta’ Moderna hu li mhemmx għalfejn tinżamm fi freezers sofistikati iżda tista’ tinżamm fi fridge normali f’temperatura ta’ bejn 2 u 8 grad celcius għal 30 ġurnata u f’temperatura ta’ 20 grad taħt iż-żero sa massimu ta’ sitt xhur.

It-tilqima l-oħra żviluppata minn Pfizer trid tinżamm f’temperatura ta’ 75 grad celcius taħt iż-żero, iżda tista’ tinżamm fi fridge sa massimu ta’ ħamest ijiem. It-tilqima Sputnik V żviluppata mir-Russja qalet li għandha effett ta’ 92%.

Esperti qed jgħidu li jekk it-tilqim potenzjali jinstab li hu suċċess u ma jkunx hemm intoppi loġistiċi biex jitqassmu, jistennew li l-pandemija tkun intemmet sar-rebbiegħa li ġejja.