Lokali
Tim ta’ professjonisti Maltin f’Londra jsibu l-binja għal Puttinu fiċ-ċentru ta’ Londra

Tim ta’ ħmistax-il professjonist Malti f’Londra jinsabu qrib li f’isem Puttinu Cares jixtru proprjetà fiċ-ċentru ta’ Londra b’għoxrin appartament għall-pazjenti Maltin li jitilgħu għall-kura fl-isptarijiet ta’ Londra. Il-Perit Mark Borg li qed imexxi tim multi dixxiplinarju fosthom periti u avukati li jaħdmu f’Londra li bħalissa għaddejjinb ir-riċerki fuq l-art biex il-proġett li jiswa ‘l fuq minn għoxrin miljun ewro isir realtà. Puttinu Cares kienu ilhom ‘il fuq minn erba’ snin biex isibu binja fiċ-ċentru ta’ Londra.

Tim multi dixxiplinarju Malti li jaħdmu f’Londra, fosthom periti, avukati, tobba, u inġiniera għal dawn l-aħħar xhur ħadmu bla heda biex irnexxielhom jidentifikaw binja fiċ-ċentru ta’ Londra għall-fondazzjoni Puttinu Cares biex fiha jilqgħu familji li jkollhom pazjenti li qed jieħdu kura fl-isptarijiet fiċ-ċentru ta’ Londra, fosthom dawk li għandhom tfal li qed jingħataw kura fl-isptar Great Ormond. Kien il-Perit Mark Borg li offra din l-għajnuna meta ra li wara aktar minn erba’ snin, il-fondazzjoni Puttinu Cares ma rnexxilix issib din l-binja li xtaqet.

“Bl-għajnuna ta’ dan il-grupp li volontarjament qed ituna servizz professonali, nagħmlu due diligence biex jekk Alla jrid Puttinu jkollha din il-proprjeta’ importanti għall-pazjenti.”

Ladarba tinxtara l-binja li stmata li tiswa ‘l fuq minn għoxrin miljun ewro, minbarra l-appartamenti f’Sutton li fihom jilqgħu ħamsa u għoxrin familja, issa għall-ewwel darba permezz ta’ Puttinu Cares, il-pazjenti Maltin li jitilgħu Londra, se jkollhom bla ħlas binja fiċ-ċentru ta’ Londra, ftit minuti ‘l bogħod mill-isptarijiet li għalihom jitilgħu bejn sittin u disgħin pazjent fix-xahar.

“Bħalissa Sutton mimli, jiġu għat-transplant u m’għandniex fejn, ta’ Sutton imorru hemm, u dawk li jmorru Great Ormond, National, Moorfields ikunu fil-qrib.”

Il-viċi Chairman ta’ Puttinu, Angele Cuschieri qalet li llum pazjenti Maltin flimkien mal-familji tagħhom qed ibatu ħafna meta jiġu biex jitilgħu fiċ-ċentru ta’ Londra, bl-ispejjeż tal-kmamar jitilgħu għal 35 sterlina kull persuna għal kull lejl. Is-sinjura Cuschieri qalet li b’din il-binja l-ġdida, l-familji se jkollhom appartament għalihom u se jkunu biss ftit ‘il bogħod mill-isptarijiet, b’inqas tbatija fl-ivvjaġġar, speċjalment għall-pazjenti li jkunu magħdura f’saħħithom.