Lokali
Tim tekniku se jkollu taħditiet mal-UE dwar pjan ta’ rkupru għall-Air Malta

Team tekniku mill-Air Malta se jkollu taħditiet ma’ rappreżentatnti tal-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa wara li Malta għamlet talba lill- Kummissjoni dwar pjan ta’ rkupru għall-kumpanija.

Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi u Xogħol Clyde Caruana fil-Parlament meta wieġeb mistoqsijiet dwar l-Air Malta u l-bdoti li kien intemmilhom l-impjieg mal-kumpanija.

Il-Ministru Caruana qal li din il-ġimgħa stess se jiltaqa’ mal-bdoti iżda għamilha ċara li kull diskussjoni trid tqies ir-realtajiet mibdula tal-kumpanija minħabba l-effett tal-pandemija.

Żied jgħid li lest jikkunsidra kull talba biex ikun hemm ftehim ġust waqt li d-dħul finanzjarju u kundizzjonijeit oħra jridu jkunu diskussi.

Huwa qal ukoll li l-pjan tal-Air Malta li qed ikun ikkunsidrat mill-Kummissjoni Ewropea jaħseb biex il-kumpanija tal-ajru Maltija tikkonċentra fuq l-attività ewlenija tagħha – dik li ttir u twassal il-passiġġieri minn post għall-ieħor. Il-pjan jaħseb biex il-kumpanija tilħaq il-vijabbiltà finanzjarja.

Fi tweġiba separata fuq ir-rapport tal-Moneyval, il-Ministru għall-Finanzi qal li minkejja rapporti fil-midja, il-Gvern ma ħareġ l-ebda stqarrija. Qal li dan isir wara li l-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa jippubblika r-rapport tal-Moneyval.