Lokali
Tinbena l-ewwel kamra minn ġebla tal-franka riċiklata f’Malta

Waqt li l-industrija tal-bini għaddejja b’ritmu qawwi, l-użu tal-ġebla tal-franka fil-bini naqas ħafna. Madankollu, żdied il-volum ta’ radam iġġenerat minn din il-ġebla. Bil-għan li din ir-riżorsa ma tkomplix tintilef, l-Università ta’ Malta żviluppat ġebla magħmula mill-franka riċiklata li tista’ tkun alternattiva għall-bricks u l-konkos li qed jintuża llum bil-ħsieb li dan il-materjal joħroġ fis-suq.

Din il-kamra f’Ta’ Qali hi l-ewwel waħda mibnija kompletament minn ġebel magħmul mill-franka riċiklata. Dan huwa r-riżultat ta’ għaxar snin ta’ riċerka mmexxija mill-Professur Spiridione Buhagiar u l-Perit Franco Montesin fl-Università ta’ Malta bil-għan li jsibu użu għall-ammont kbir ta’ franka li kien qed jintrema. Min jaf, forsi din il-ġebla riċiklata taf tkun alternattiva għall-materjal li qed jintuża bħalissa għall-bini.

“Bdejna dan il-proġett xi għaxar snin ilu, u bdejnieh sempliċiment għax bdejna naraw ħafna materjal qed jintrema u għedna dan dnub, x’nistgħu nagħmlu bih?”

“U fl-istess ħin il-produzzjoni tal-ġebla qiegħda dejjem tonqos għax fis-sens li l-ġebla tajba qiegħda dejjem tispiċċa u dehrilna li għandna nippruvaw li minn dan il-materjal li fejn qabel l-uniku ħsieb kien li forsi tnaddfu u terġa’ tużah – nagħmlu materjal li jkun engineered – tista’ tagħtih il-properties li trid inti.”

Il-Perit Montesin spjega li għalkemm fid-dehra tixbah lill-ġebla tal-franka, din il-ġebla magħmula fil-laboratorju għandha karatteristiċi li huma saħansitra aħjar minn tal-franka. Mit-testijiet li saru fil-laboratorju tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni, jirriżulta li din il-ġebla hija aktar reżistenti għall-elementi, ma tassorbix l-ilma, u ma tittikilx bħalma tittiekel il-ġebla tal-franka.

“Trid tqis inti li l-ġebla hija xi ħaġa magħmula naturali u fiha d-difetti tagħha fl-istess kantun, fl-istess blata ssib difetti u aħna being engineered hija uniformi.”

Il-Professur Buhagiar spjega li din il-ġebla hija magħmula minn franka riċiklata li titkisser fi trab fin – bħal xaħx – li mbagħad jgħaddi minn proċess u l-ġebla tingħata l-karatteristiċi tagħha.

“Għandna mezz issa li l-materjal tal-ġebla nistgħu naddattawh għal ċertu sitwazzjonijiet. Bħala proċess ovjament huwa twil għax mhux sempliċiment kemm li tagħmel prodott u tgħid se tpoġġih fuq is-suq. Ovjament jekk se tużah għall-bini trid tkun ċert li wara ċertu żmien se jibqa’ hemm mhux se jkollu problemi.”

Il-Professur Buhagiar qal li għadd ta’ periti diġà esprimew interess f’dan il-prodott tal-proġett ReStone li qed isir bi sħab bejn entitajiet governattivi u kumpanija privata.

Bħalissa għaddej studju fuq materjali oħrajn mill-iskart tal-kostruzzjoni bil-għan li jiġi żviluppat f’materjal ieħor għall-bini.