Qasam soċjali
Tinfetaħ klinika multi-dixxiplinarja fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa

Iżjed minn 400 anzjan se jgawdu mis-servizzi li se tkun qed toffri klinika multi-dixxiplinarja fl-Imtarfa, fejn għall-ewwel darba se tkun qed toffri wkoll ambjent sigur u privat.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia meta aktar kmieni llum inawgura l-ewwel klinika tax-xorta tagħha f’Malta, fl-Imtarfa.

Huwa qal li d-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkun qed jifrex ukoll dan is-servizz billi jiftaħ kliniċi multi-dixxiplinarji oħrajn f’kull Dar tal-Anzjani tal-Gvern. Huwa żied jgħid li d-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità investa fl-immodernizzar tal-klinika u xtara tagħmir li jintuża minn professjonisti differenti u li jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum.

Il-Ministru Farrugia qal li l-gvern qed ikompli jaġġorna s-servizzi fid-djar tal-anzjani u anke jirriġenera oħrajn. Qal li d-Dar tal-Anzjani fl-Imsida mistennija titwaqqa’ u terġa’ tinbena biex tkun tista’ toffri servizz aħjar lill-anzjani. Huwa qal li t-tender għax-xogħol fuq id-dar tal-anzjani fl-Imsida ħiereġ iktar ‘il quddiem.