Toroq
Tinfetaħ mill-ġdid il-korsija tan-nofsinhar fi Triq Buqana

Reġgħet infetħet il-korsija tan-nofsinhar ta’ Triq Buqana, fid-direzzjoni mill-Mosta lejn l-Imġarr u l-Imtarfa.

Fi stqarrija Infrastructure Malta  qalet li dan il-proġett ta’ €3.6 miljun biex it-triq tinbena mill-ġdid daħal fl-aħħar fażi tiegħu.

Dan l-investiment jinkludi t-twessigħ tat-triq biex tiżdied korsija ġdida fid-direzzjoni tat-tramuntana, mill-Imtarfa lejn il-Mosta, u korsija ġdida għar-roti fl-istess naħa.

Ir-roundabouts li hemm fit-truf ta’ din it-triq ukoll qed jinbnew b’disinn ġdid b’korsiji aktar sikuri kemm tal-karozzi kif ukoll tar-roti. L-aġenzija qed terġa’ tibni wkoll il-pont ta’ Wied il-Qliegħa (Chadwick Lakes).

Il-proġett ta’ Triq Buqana huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).

Il-ftuh mill-ġdid tal-korsija ser inaqqas il-kongestjoni tat-traffiku li fl-aħħar ġimgħat kien qed jimġemgħa mar-roundabout fit-triq tar-Rabat għal vetturi li jkunu neżlin jew telgħin lejn ir-Rabat.