Lokali
Tingħata l-aħħar tislima lid-deputat Frederick Azzopardi

F’Għawdex sar il-funeral tad-deputat tal-Partit Nazzjonalista, Frederick Azzopardi, li miet is-Sibt li għadda fl-età ta’ 71 sena.

Il-korteo funebri għadda minn quddiem il-Każin tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat Għawdex, fejn delegazzjoni tal-partit immexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech tagħtu l-aħħar tislima.

Il-korteo ssokta lejn il-Knisja Rotunda tax-Xewkija fejn saritlu quddiesa presente cadavere mmexxija minn Dun Roberto Gauci, li hu n-neputi tas-Sur Azzopardi. Preżenti għall-quddiesa l-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.

Fl-omelija, Dun Eddie Zammit semma l-kwalitajiet sbieħ li kellu Frederick Azzopardi fil-ħajja personali u politika. Qal li l-bibien tiegħu kienu miftuħin għal kulħadd u dejjem ħaddan prinċipji nsara sodi.

Il-Parlament ser isellem lid-deputat Frederick Azzopardi fis-seduta paramentari ta’ għada. Hu kien ilu jiġi elett membru parlamentari sa mill-elezzjoni tal-1998.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, qal li dan il-post battal fil-parlament issa jimtela b’elezzjoni każwali fit-tlettax-il distrett elettorali fejn kien hemm 5 kandidati tal-Partit Nazzjonalista li ma ġewx eletti.