Barranin
Tingħata l-aħħar tislima lid-Duka ta’ Edinburgh

Id-Duka ta’ Edinburgh, il-Prinċep Philip, ingħata l-aħħar tislima waqt funeral intimu fil-kapella ta’ San Ġorġ waqt ċerimonja mmarkata mir-restrizzjonijiet dwar il-Covid, li rriflettiet x-xewqat personali tad-duka.

Martu għal 73 sena, ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni li ddeskriviet lid-Duka bħala l-wens tagħha, poġġiet waħedha waqt il-funeral li beda b’minuta silenzju.

Id-dekan ta’ Windsor David Connor u l-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Wellby mexxew iċ-ċerimonja li matulha taw ommaġġ lil-lealtà mingħajr qies li l-Prinċep wera lejn ir-Reġina matul ħajtu, u għas-servizz li ta lin-nazzjon.

Faħħru l-fibra morali tiegħu u għall-mod kif serva bħala ispirazzjoni għall-ħafna.

“We have been inspired by his unwavering loyalty to our Queen, by his service to the nation and the Commonwealth, by his courage, fortitude and faith. Our lives have been enriched through the challenges that he has set us, the encouragement that he has given us, his kindness, humour and humanity.”

Il-membri tal-kongegazzjoni li kienu limitati għal tletin minħabba ċ-ċirkustanzi tal-Covid eżerċitaw id-distanza soċjali minn xulxin.

It-tebut tad-Duka nġarr għal distanza qasira lejn il-kappella ta’ San Ġorġ f’land Rover modifikata li kienet iddisinjata mid-Duka nnifsu.

Fuq quddiem, il-Prinċipessa Anne u l-Prinċep Karlu u warajhom il-Prinċep Edward u l-Prinċep Andrew.

Fit-tielet ringiela, in-neputiijiet il-Prinċep William u l-Prinċep Harry, u kuġinuhom Peter Philips f’nofshom.

Iżjed minn 730 membru tal-forzi armati ħadu sehem fiċ-ċerimonja ta’ tifkira minkejja fil-kappella nnfisha attendew biss il-qraba u persuni li kellhom konnessjonijiet mill-qrib miegħu.

Ir-Reġina li għandha 94 sena vvjaġġat mal-assistenta tagħha fi tmiem il-purċissjoni.

Ingħata wkoll salut bin-nhar minn disa’ postijiet fir-Renju Unit u Ġibiltà, li mmarkaw il-bidu u tmiem ta’ minuta silenzju li nżammet ad unur il-memorja tad-duka. Anki Malta onorat il-memorja tiegħu b’dan il-mod.

Ma kienx hemm tlugħ u nżul ta’ ajruplani mill-ajruport ta’ Heathrow għal sitt minuti fl-istess ħin.

Anki l-assoċjazzjoni tad-duka mar-Royal Navy u l-imħabba tiegħu lejn il-baħar kienu ċċelebrati waqt is-servizz iżda ma kienx hemm omelija, preċiżament kif xtaq id-duka nnifsu li elenka ix-xewqat speċifiċi tiegħu dwar kif kellu jkun il-funeral tiegħu.

Il-mużika waqt iċ-ċerimonja inkludiet dak tal-1860, Eternal father, Strong to Save minn William Whiting, li huwa assoċjat mas-servizzi marittimi armati.

Taw sehemhom ukoll kor ridott magħmul minn 4 kantanti iżda l-kongregazzjoni ma kantantx, ukoll bħala parti minn miżura implimentata minħabba l-covid.

Il-funeral sar kollu fl-ispazju tal-kastell filwaqt li l-membri tal-pubbliku kienu mitluba biex ma jmorrux fiż-żona.

Qabel il-funeral, ir-reġina ppubblikat ir-ritratt favurit tagħha mad-duka, b’ritratt tal-koppja li ittieħed fl-2003 mill-kontessa ta’ Wessex f’Aberdeenshire l-Iskozja, li jurihom f’poża naturali jitbissmu bil-qiegħda fuq il-ħaxix.