Lokali
Tingħata n-nar vettura ta’ uffiċjal fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Il-General Workers Union qalet li vettura ta’ uffiċjal korrettiv inħakmet minn nirien il-lejl li għadda, fost suspetti li din ingħatat in-nar.

Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkontrollaw in-nar li laħaq ukoll vettura oħra fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi. Il-vetturi kienu pparkjati wara xulxin.

In-nar kien rappurtat għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ filgħodu, bil-vettura tal-impjegat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġarrbet ħsarat estensivi.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa.

It-taqsima tal-General Workers Union li tirrappreżenta l-forzi dixxiplinati uriet solidarjetà mal-uffiċjal u l-familja tiegħu.