Lokali
Tinħatar l-ewwel Kap Eżekuttiv mara għall-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza ħabbar li s-Sinjura Eunice Grech Fiorini se tinħatar kap eżekuttiv ġdid tal-Aġenzija tal-Qorti. Hija se tidħol fil-kariga b’effett mill-1 ta’ Mejju li ġej.

Fi stqarrija il-Ministeru qalu Grech Fiorini se tkompli tibni fuq il-ħidma li wettaq il-predeċessur tagħha, is-Sur Frank Mercieca, li serva f’diversi rwoli fil-qrati tal-ġustizzja għall-aħħar 45 sena.

Grech Fiorini serviet ta’ direttur, assistent reġistratur, deputat reġistratur, prinċipal u clerk fil-Qorti għall-aħħar 23 sena. Hija serviet ta’ assistent reġistratur bejn l-2014 u l-2018 u ta’ direttur/reġistratur mill-2018 sal-lum il-ġurnata. Hija gradwat mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat fl-Istudji Legali u laħqet prokuratur legali fl-2009.

Is-Sur Mercieca se jinħatar konsulent tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti għal perjodu ta’ żmien sabiex tibqa’ tintuża l-esperjenza tiegħu fis-settur tal-ġustizzja.

Il-Ministru Zammit Lewis ta ħajr lis-Sur F. Mercieca għas-servizz impekkabbli tiegħu fil-qasam tal-ġustizzja.

Huwa awgura lis-Sinjura Eunice Grech Fiorini għall-kariga ġdida tagħha u wkoll bħala l-ewwel mara li se tkun qed tmexxi din l-aġenzija.