Storja
Tinkiseb kopja ta’ ktieb storiku rari li kien projbit mill-Vatikan

Ktieb storiku rari li jmur lura għall-1728 ingħata b’donazzjoni lil Heritage Malta minn Patrick u Anne Hegarty.

Il-ktieb huwa traduzzjoni bl-Ingliż tal-ewwel volum tas-serje ‘Histoire des Chevaliers Hospitaliers Saint-Jean de Jérusalem’ li oriġinarjament ġiet ippubblikata minn Patri René Aubert de Vertot fl-1726. Dan intqal fi stqarrija ta’ Heritage Malta li fiha ngħad li huma ftit kopji biss li jeżistu bħal dan il-volum minħabba li ġie projbit mill-Vatikan.

Fra René Aubert de Vertot (1655 – 1735) ġie kkumissjonat mill-Ordni ta’ San Ġwann sabiex jiġbor l-Istorja tal-Ordni mill-bidu umli tagħha f’Ġerusalemm sas-sena li fiha ġie ppubblikat il-ktieb. Fil-kitba tiegħu, hu jagħti rendikont ċar tal-Istorja tal-Ordni ta’ San Ġwann, mill-oriġini tagħha għall-konlużjoni tal-Assedju l-Kbir f’Malta fl-1565, u kif ukoll b’żidiet ta’ Annali ta’ l-Ordni sas-sena 1725.

Vertot ħa 13 il-sena biex ġabar din l-informazzjoni kollha ħalli jaħdem fuq dan il-ktieb. Iżda finalment, ix-xogħol li wettaq ħasad mhux ħażin lill-Knisja. Fid-deskrizzjoni tiegħu ta’ 600 sena, huwa ddiskuta l-formazzjoni u l-espansjoni tat-Templari, ir-rivalità li kellhom mal-Ospitallieri, u x-xoljiment eventwali tagħhom. Huwa spjega l-qawma tat-Torok u tat-twemmin Musulman, filwaqt li rrefera għall-erojiżmu u l-barbariżmu tal-gwerer u l-assedji.

Barra minn hekk, huwa ffoka fuq il-korruzzjoni u r-reħba ta’ bosta papiet u kardinali. Il-kummenti kontra l-papiet ma damux ma ġibdu l-qilla tal-Inkwiżizzjoni li wasslet biex il-ktieb jiġi pprojbit mill-Vatikan. Imma kienet proprju dil-projbizzjoni li għamlet il-ktieb aktar popolari u ta’ suċċess.

Fl-istqarrija Patrick Hegarty ġie kkwotat jgħid, “Missieri Jack kien kollezzjonist kbir tal-antikitajiet, speċjalment tal-fidda antika Irlandiża, tal-porċellana u ta’ xogħolijiet tal-arti. Kienet l-hena tiegħu li jqatta’ s-Sibt fil-għodu jdur ma’ sħabu fil-ħwienet tal-antikitajiet sabie xifittex dik ix-xi ħaġa speċjali. Dan il-ktieb storiku rari kien wieħed minn dawn l-iskoperti, probabbilment madwar 60 sena ilu.”

Kompla jgħid, “Iddeċidejt li ngħaddi dan il-ktieb lil Heritage Malta għax nemmen li postu hu hawn Malta. Hawn tinsab id-dar spiritwali tiegħu. Ma tagħmilx sens li jinżamm ġewwa xi dar l-Irlanda fejn ma jarah ħadd. Almenu issa dan il-ktieb jista’ jitgawda mill-poplu Malti u minn dawk kollha li jiġu jżuru dan il-Mużew.”

Il-Kuratur Prinċipali tal-Mużew Marittimu, Liam Gauci, irringrazzja lil Francis Spiteri Paris talli għen biex issir din id-donazzjoni lil Heritage Malta.  “Il-kollezzjoni nazzjonali ta’ Malta għaniet aktar b’din id-donazzjoni prestiġġjuża li se tiġi esebita fis-sezzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann ġewwa l-Mużew Marittimu, il-Birgu.”