Tinstab tarbija mejta oħra

L-istorja tat-traġedja tal-immigranti li ġew salvati l-lejl li għadda ħadet svolta oħra hekk kif il-Forzi Armati ta’ Malta li permezz ta’ Patrol Boat għadhom qed ibaħħru fl-inħaw sabu u tellgħu abbord kadavru ieħor din id-darba ta’ tarbija.

X’seħħ dalgħodu:

Xirfet fil-bokka tal-Port ta’ Marsamxett ftit qabel it-tmienja ta’ filgħodu l-akbar patrol boat tal-Forzi Armati mgħobbija b’147 immigrant li l-Ġimgha filgħaxija ġew salvati mill-baħar wara li d-dgħajsa li kienu fuqha nqalbet mas-sittin mil nawtiku fin-nofsinhar ta’ Lampedusa.  L-inċident seħħ fiz-żona ta’ tiftix u salvataġġ fir-responsabilita’ tal-armata Maltija li kkoordinat ħidma biex jiġu salvati n-nies mill-baħar.  Il-patrol boat Maltija li kienet l-ewwel li waslet fil-post tat-traġedja tellgħet abbord 150 persuna waqt li bastiment tal-qawwiet navali Taljani salva 56 persuna ohra.
Wara vjaġġ ta’ kważi 120 mil nawtiku, fit-tmienja ta’ filghodu l-patrol boat P 61 rabtet mal-moll tal-Iskwadra Marittima f’Xatt it-Tiben fejn bdiet hidma delikata biex minn fuqha jitniżżlu l-immigranti. Kisret il-hemda ta’ din l-għodwa bikja ta’ tarbija minn fuq il-patrol boat, indikazzjoni li fuqha kien hemm tfal zgħar.  Fuq il-patrol boat kien hemm 15-il tifel u tifla, 19-il mara u 109 rġiel. L-ewwel ma tniżżlu l-art kienu l-familji bit-tfal li qanqlu l-emozzjonijiet ta’ dawk preżenti – suldati, pulizija, paramediċi u ġurnalisti. It-tfal ntrefgħu minn suldati u pulizija li ħaduhom mal-familjari tagħhom fix-xarabanks.  Dan il-missier li ftit sigħat qabel ra l-mewt ma’ wiċċu ma riedx jafda lil bintu anke jekk għal ftit sekondi u ried li jerfagħha hu.
Oħrajn indikaw li kien għad hemm qraba tagħhom abbord il-patrol boat u riedu jibqgħu flimkien. Viżibbilment għajjenin, uħud sahansitra dehru jbatu biex iżommu fuq riġlejhom. F’kull wiċċ ħarsa komuni:  id-dieqa għall-esperjenza qarsa li għaddew minnha fis-sigħat ta’ qabel u t-telfa ta’ nies li bdew il-vjaġġ magħhom iżda l-baħar spiċċa l-qabar tagħhom.  B’ta’ fuqhom senduqhom, uħud mill-immigranti tilfu fil-bahar saħansitra l-ħwejjeg li kienu liebsa u sabu kenn mill-kesha fil-kutri li ngħatawlhom mis-suldati.  Wieħed mill-immigranti nstema’ jgħid li ħallas aktar minn 4,000 dollaru għall-vjaġġ li għal naqra ma swielux ħajtu.
Xarabank wara l-oħra ħadu l-immigranti għal aktar investigazzjonijiet fil-garaxx tal-Pulizija l-Furjana.
Qabel mal-patrol boat ħalliet iż-żona tat-traġedja: tliet immigranti: raġel, omm u t-tarbija tagħha li kienu jeħtieġu attenzjoni medika urġenti ttieħdu b’helikopter fl-isptar ta’ Lampedusa.
Mal-lejl f’Lampedusa ddaħħlu wkoll għadd ta’ kadavri, b’ħafna mill-mejta nisa u tfal zgħar.
Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħatar inkjesta skont il-liġi bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ każ fejn priġunier li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, kien rilaxxat mill-ħabs u deher…

Lokali

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost…

COVID-19

Tħassar ukoll il-kunċert ta’ Joseph Calleja li din is-sena kellu jsir fl-4 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana u li issa mistenni jsir f’format differenti. NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert li bħala…

Annimali

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li…

Aktar