Lokali
Tintemm il-votazzjoni fir-Renju Unit

Għalqu il-postijiet tal-votazzjoni fir-Renju Unit hekk kif l-elettroat ivvota fit-tielet elezzjoni ġenerali f’inqas minn ħames snin.

L-elezzjoni li saret l-ewwel darba f’Diċembru fi kważi seklu issegwi l-elezzjonijiet preċedenti tal-2015 u l-2017. Il-postazzjonijiet tal-votazzjoni fi 650 kostitwenza fl-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta Fuq fetħu għall-votazzjoni fis-sebgħa ta’ filgħodu ħin tar-Renju Unit, u t-tmienja f’Malta.

Ir-riżultati tal-exit polls u l-għadd tal-voti jibda immedjatament mat-tokki tal-ħdax, l-għaxra ta’ filgħaxija ħin tar-Renu Unit bir-riżultati mistennija ikunu mħabbra fis-siegħat bekrin tal-Ġimgħa filgħodu.

Il-mexxejja tal-partiti ewlenin kollha xeħtu l-vot tagħhom. Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Konservattiv Boris Johnson baqa’ jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Ingliżi jivvutaw għal kandidati li lesti jivvutaw favur il-ftehim li huwa laħaq mal-Unjoni Ewropea f’Ottubru li għadda biex b’hekk Brexit iseħħ mill-aktar fis/

Il-mexxej tal-Laburisti Jeremy Corbyn mexxa kampanja ffukata fuq temi nazzjonali bħall-NHS u l-kura tas-saħħa, filwaqt li fuq Brexit wiegħed l-innegozjar mill-ġdid ta’ ftehim ieħor u mbagħad qal li lest isejjaħ referendum ieħor dwaru.

Dawk li l-aktar qed jopponu Brexit b’saħħa huma żewġ partiti immexxija min-nisa. Il-Liberal Demokratiċi immexxija minn Jo Swinson mistennija jibqgħu it-tielet partit fuq livell nazzjonali u Nicola Sturgeon tal-Partit Nazzjonali tal-Iskozja. L-ammont ta’ siġġijiet li Sturgeon mistennija ġġib fil-House of Commons possibilment ikun kruċjali.

L-Unjoni Ewropea kollha qed tistenna b’ħerqa r-riżultat tal-elezzjoni fir-Renju Unit bit-tama li fl-aħħar il-kapitlu Brexit jingħalaq darba għal dejjem.