Lokali
Tintemm l-ewwel fażi tal-manutenzjoni tal-monument tal-Assedju l-Kbir

Titlesta l-ewwel fażi tax-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir minn Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr.

Heritage Malta trattat u naddfet l-istatwa tal- bronż, filwaqt li d-Direttorat tar-Restawr kien responsabbli mit-tindif ġenerali, trattament fuq il-biological soiling, tindif minn tbajja ta’ xemgħa u żejt, tikħil ta’ fili miftuħin u tiswija ta’ żoni deterjorati bil-metodu ta’ plastic repair. Dan ħareġ minn tweġiba tal-Ministru Owen Bonnici għal mistoqsija parlamentari mid-deputat Byron Camilleri.

Sadanittant, ittella’ hoarding ikbar biex issir manutenzjoni taż-żona biex fost l-oħrajn jinbidel id-dawl biex idawwal iktar lill-monument, jinbidel il-madum imkisser u jiġi rranġat il-ħadid. Dan il-proġett qed ikun iffinanzjat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Kelliem ghall-Ministeru kkonferma li l-proċess ta’ manutenzjoni taż-żona mistenni jdum sa nofs Diċembru meta imbagħad jitneħħa wkoll il-hoarding ta’ barra kif inhi l-prattika normali.