Unjoni Ewropea
Tintlaqa’ t-talba ta’ Malta għal flessibiltà biex iċ-ċittadini jkunu protetti miż-żieda fil-prezz tal-enerġija

Ġiet fi tmiemha waranofsinhar il-laqgħa ta’ jumejn tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, li għaliha attenda wkoll il-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-ewwel kummenti wara l-laqgħa, il-Prim Ministru qal li l-Kunsill Ewropew aċċetta t-talba ta’ Malta biex pajjiżna jkollu iktar flessibiltà biex jipproteġi liċ-ċittadini u n-negozji miż-żieda fil-prezz tal-enerġija.

Il-prezz tal-enerġija kienet it-tema li ddominat il-laqgħa tas-27 mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, li ltaqgħu matul dawn il-jumejn fi Brussell.

F’kumment maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif l-Unjoni Ewropa qablet li tingħata l-flessibilità neċessarja lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jaraw huma kif għandhom jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, skond l-esiġenzi tal-pajjiż.

“L-insistenza tagħna kienet li kull stat għandu jingħata l-għodda kollha meħtiega biex jappoġġja liċ-ċittadini tiegħu, fis-sens li ż-żieda internazzjonali fil-prezz tal-gass u tal-energija ma taffettwax u ma tiġix merfugħa miċ-ċittadini,” qal il-Prim Ministru. “Għamilt referenza għar-realtajiet speċifiċi li għandu pajjiżna u għalfejn pajjiżna għandu jingħata l-flessibiltà biex jibqa’ jipproteġi lin-nies tiegħu (…) u fil-konklużjonijiet tal-kunsill sodisfatt li dak is-suġġeriment li ressaqna aħna quddiem il-medja tal-Kunsill ġie aċċettat.”

B’rabta ma’ din it-tema, il-Kummissjoni Ewropea ntalbet ukoll biex tevalwa jekk hemmx bżonn jittieħdu azzjonijiet regolatorji fis-suq tal-enerġija, waqt li l-Bank Ewropew għall-Investiment kien imħeġġeġ iħaffef l-investimenti marbuta mat-tranżizzjonijiet fl-enerġija.

Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19, kien innutat li ċertu pajjiżi għandhom bżonn iżidu l-isforzi biex jikkumbattu x-xettiċiżmu u l-miżinformazzjoni dwar it-tilqim. Intalbet ukoll iktar koordinazzjoni biex isir is-safar u ċ-ċaqliq tan-nies bejn pajjiż u ieħor fl-Unjoni Ewropea.

Il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Polonja li qed taffettwa l-obbligi ta’ dan il-pajjiż dwar is-saltna tad-dritt. Din il-kwistjoni tqajmet fl-isfond tal-pożizzjoni li qed jimbuttaw il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew biex jekk il-Polonja tisfida lill-Unjoni Ewropea ma tingħatax il-fondi Ewropej kollha.

“Fi ħdan il-Kunsill kellna diskussjoni animata, iżda kordjali, kienet ferm iktar kordjali minn dak li seħħ fil-Parlament Ewropew iktar kmieni din il-ġimgħa. Li nista’ ngħid b’sens ta’ sodisfazzjon, pajjiżna, filwaqt li vera kellu diffikultajiet dwar is-saltna tad-dritt għal dawn l-aħħar snin, issa l-ebda kritika fuq pajjiżna, mhux talli l-ebda kritika fuq pajjiżna, talli pajjiżna qed jiġi ċċitat bħala mudell ta’ kif għandhom isiru r-riformi f’pajjiżi oħrajn,” fisser il-Prim Ministru.

Il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll il-preparamenti għas-summit tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-tibdil tal-klima, magħruf bħala COP26, li se jsir fl-1 ta’ Novembru fi Glasgow, bil-mexxejja jaqblu li hemm bżonn rispons globali ambizzjuż dwar kwistjonijiet ambjentali.

Din kienet l-aħħar laqgħa tal-mexxejja Ewropej għall-Kanċillier Ġermaniża Anglea Merkel, li mhux se tibqa’ tmexxi iktar lill-Ġermanja wara perjodu ta’ 16-il sena. Il-laqgħa li jmiss tal-mexxejja Ewropej fi Brussell, hija skedata għal-nofs Diċembru li ġej.

Iktar kmieni:

Il-Bank Ewropew għall-Investiment imħeġġeġ iħaffef investimenti marbuta mal-enerġija