Lokali
Tinvestiga inċident bejn tfajla, raġel u xufier fuq karozza tal-linja

Il-kumpanija Malta Public Transport li topera s-servizz tat-trasport pubbliku qiegħda tinvestiga inċident li seħħ kmieni l-Erbgħa filgħodu fuq karozza tal-linja.

L-inċident inġibed b’mobile minn passiġġier li kien fuq il-karozza tal-linja. Il-filmat ittella’ fuq bosta mezzi soċjali.

Il-filmat juri tfajla u anzjan, x’aktar missierha jeħduha qatta’ bla ħabel max-xufier tal-karozza tal-linja. It-tnejn li huma jinstemgħu jkellmuh ħażin. Saħansitra f’ħin minnhom l-anzjan jidher tiegħla mill-ġdid fuq il-karozza tal-linja u jiġbed il-perspex li tifred lix-xufier minn mal-passiġġieri.

Kelliema għall-kumpanija kkonfermat li l-inċident qiegħed jiġi investigat. S’issa għad mhix magħrufa r-raġuni li wasslet għal dan l-inċident. Fl-istess waqt l-MPT ikkundannat kull xorta ta’ vjolenza.