Qorti
Tinżamm arrestata wara li flimkien ma’ binha serqu 3 anzjani

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia bdiet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ omm ta’ 45 sena akkużata li flimkien ma’ binha ta’ 13-il sena serqu tliet anzjani f’San Pawl il-Baħar.

L-ewwel li xehed kien l-Ispettur Lydon Zammit li qal li fl-24 ta’ Jannar li għadda ntalbet l-għajnuna tal-Pulizija wara rapport li kienet qiegħda ssir serqa f’residenza fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.

Xehed li fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distret tal-Qawra, u mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-akkużata, Shirley Al Omar, li magħha kien hemm tifel minorenni, ħabtet il-bieb tad-dar u bdiet tittallab għal flus. Kif waħda mill-anzjani fetħitilha, Al Omar baqgħet dieħla ġewwa u ħatfet żewġ karti ta’ €50 li kien hemm il-mejda, u flimkien ma’ binha ħarbu jiġru.

L-Ispettur Zammit xehed li ftit wara l-pulizija mir-Rapid Intervention Unit waqqfu lil mara u lil binha, li fiż-żarbun tiegħu nstabu €93.50. Qal li meta kienet mistoqsija minn fejn ġew il-flus, l-akkużata qalet lill-pulizija li t-tifel kien biegħ xi scooter. Qal li sabu €93 u mhux €100 għax irriżulta li l-omm u binha, kienu waqqfu jixtru xi ħaġa mill-Maypole.

Qal li l-filmati li ġabru mill-akkwati, inkluż mill-Maypole, juru eżatt x’ġara kif irrakkontatilhom waħda mit-tliet anzjani li sfat misruqa mill-akkużata. Xehed ukoll li l-mara nstabet ħatja fuq każi simili fil-passat.

Dwar it-tifel, peress li minuri, il-Pulizija, talbet l-assistenza tal-Aġenzija Appoġġ u eventwalment, it-tifel qed jgħix man-nanniet.

Xehdet ukoll bil-video link waħda mill-vittmi anzjani, Yvonne Tabone ta’ 78 li qalet li l-każ seħħ ħmistax ilu għall-ħabta ta’ nofsinhar xħin kienet qed tipprepara l-ikel lil ħuha Mario ta’ 81 sena. Qalet li fl-istess residenta jgħixu hi, ħuha u oħtha Marianne li għandu fuq is-sebgħin sena.

Xehdet li ħuha kien fil-kamra ta’ barra xħin qalilha li hemm xi ħadd wara l-bieb. Qalet li hi ħarġet fil-bieb u rat lill-akkużata li talbitha €2 għax qalet li spiċċalha l-petrol u riedet tieħu lit-tifel l-isptar għax kellu infezzjoni f’widnejh. L-anzjana qalet li sakemm daħlet ġewwa biex iġġibilha l-flus, minkejja li għalqet il-bieb, l-akkużata u binha daħlu ġewwa fil-kamra ta’ barra fejn kien hemm ħuha.

L-anzjana xehdet li meta ħarġet lura fil-kamra ta’ barra u tagħtha żewġ ewro u 50 ċenteżmi, l-akkużata waqalha xi ħaġa minnhom u strieħet fuq il-mejda fejn kien hemm xi karti tal-flus u kaxxa bil-hearing aids. Qalet li f’ħin minnhom ħuha beda jgħajjat flus, flus, flus u hi ma fehmitx mill-ewwel. Spjegat li ħuha għaddietu puplesija u affetwatlu l-mixi u kif jitkellem u ma setax jiddefendi lilu nnifsu.

L-anzjana qalet li telqet tiġri warajha u meta hi u binha waqfu fejn supermarket, fittxitilhom fil-gakketta tal-omm u fil-qalziet tat-tifel. Xehdet li l-akkużata bdiet tgħidilha li ma għandha xejn fuqha. Xehdet li ma sabitx flus fuqhom u marret id-dar iċċempel lill-pulizija.

Mistoqsija mill-Avukat Mario Mifsud jekk min mar id-dar tagħha għollietx leħinha jew kien vjolenti fil-konfront tagħha, l-anzjana wieġbet li le u li kull ma għamlet ħarbet tiġri.

Fi tmiem is-seduta, il-prosekuzzjoni iddikjarat li għal lum m’għandhiex aktar xhieda u appellat lill-anzjani kollha biex ma jiftħux il-bieb ta’ barra għall-ħadd.

Id-difiża għamlet referenza għal rikors li bih qed jintalab il-ħelsien mill-arrest tal-akkużata. Il-prosekuzzjoni tistrieħ fuq ir-risposta mibgħuta mill-Avukat Ġenerali, bl-avukat difensur jgħid li l-akkużata għandha problema akuta ta’ droga u għalhekk talab lill-Qorti biex tmur tagħmel programm.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużata baqgħet miżmuma arrestata. Il-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużata titpoġġa taħt att ta’ akuża. Is-seduta ġiet differita għas-16 ta’ Marzu 2021.

Ara wkoll:

Mara flimkien ma’ binha ta’ 13-il sena jwettqu serqa fuq 3 anzjani f’San Pawl il-Baħar