Qorti
Tinżamm arrestata wara li kienet akkużata b’għadd ta’ serqiet – il-Maġistrat b’parir biex tibdel ħajjitha

Tfajla ta’ 29 sena li m’għandhiex residenza fissa, tressqet il-Qorti akkużata b’seba’ kapi ta’ akkuża fosthom ta’ serq fosthom ta’ mobile phones u li kissret kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti.

Kim Borg li qalet li ma taħdimx, wieġbet mhux ħatja.

L-Avukat Martin Fenech talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat. L-ispettur Jonathan Ransley qal li qed joġġezzjona għaliex Borg m’għandhiex indirizz fiss u meta kellimha bdiet torqod tant li kellha tittieħed jumejn l-isptar fejn ħareġ ċar li għandha problema ta’ dipendenza fuq id-droga.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u qalet li d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandu jqis kull talba għall-għajnuna. Qabel ħarġet mill-awla, il-Maġistrat qalilha li qatt mhu tard wisq u li l-avukat, il-pulizija, il-Qorti u l-familja tagħha jistgħu jgħinuha imma hi trid tkun li tieħu d-deċiżjoni biex tibdel ħajjitha.