Annimali
Tipproponi lill-Gvern jixtri l-liċenzji tal-karozzini biex jonqsu mit-toroq

Is-Soċjetà Maltija għall-Protezzjoni u l-Kura tal-Annimali (MSPCA) ipproponiet lill-Gvern sabiex jixtri l-liċenzji tal-karozzini f’Malta bil-għan li jiġu protetti ż-żwiemel u l-karozzini jisparixxu għal kollox mit-toroq tagħna jew jitnaqqsu bin-nofs.

Althea Galea mill-MSPCA qalet ma’ Television Malta li minkejja li din hija parti mill-kultura ta’ pajjiżna m’huwiex aċċettabbli li l-kultura tkun ibbażata fuq moħqrija tal-annimali.

Hija spjegat li din se tagħti soluzzjoni wkoll lil dawk il-kuċċiera li kawża tal-pandemija u t-tnaqqis sussegwenti tat-turiżmu mhux qed idaħħlu qligħ biżżejjed minn dan ix-xogħol.

L-MSPCA qed tipproponi ftehim bejn il-kuċċiera u l-Gvern sabiex dan tal-aħħar jixtri l-liċenzji kollha tal-kuċċiera f’Malta sabiex dawn jonqsu drastikament jew jitneħħew għal kollox mit-toroq ta’ Malta.

L-għaqda li l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tal-annimali ma temminx li ż-żwiemel għandhom jintużaw à skapitu tal-bniedem u allura qed tipproponi li l-Gvern jagħti somma flus lill-kuċċiera u b’hekk titteħdilhom il-liċenzja u ma jibqgħux jaħdmu bħala kuċċiera.

Galea, li hija l-Maniġer għad-Drittijiet tal-Annimali fi ħdan l-MSPCA, qalet ma’ Television Malta li t-turiżmu għadu ma rkuprax wara l-pandemija u allura x-xogħol tal-kuċċier naqqas ferm.

Hija sostniet li b’din il-proposta se jkun qed jirbaħ kemm il-kuċċier kif ukoll iż-żiemel.

“Aħna qed nipproponu li l-Gvern jagħti somma flus biex jixtri l-liċenzji tal-karozzini biex b’hekk innaqqsu n-numru ta’ karozzini liċenzjati. Bħalissa għandna 110 liċenzji ta’ kuċċiera u nemmnu li huma numru kbir għal gżira bħal tagħna”.

Hija qalet li l-proposta waslet ukoll fid-dawl li t-turiżmu mhux qed ikun biżżejed sabiex il-kuċċiera jdaħħlu biżżejed qliegħ biex jieħdu ħsieb adegwat taż-żwiemel tagħhom.

Galea żiedet li lil hinn minn din il-proposta, il-Gvern m’għandux jixtri biss il-liċenzji iżda wkoll joffri li jieħu ż-żwiemel taħt il-kustodja tiegħu.

Hija sostniet li għal dan il-għan il-Gvern għandu jwaqqaf ukoll santwarju għaż-żwiemel li jkun iffinanzjat mill-Istat.

Galea saħqet li jekk il-Gvern ma jixtrix il-liċenzji kollha għandu jiftaħ l-iskema għall-kuċċiera mbagħad mill-110 karozzini li hawn fit-toroq ta’ Malta jibqa biss nofshom jiġifieri 55.

Dwar il-fatt li l-karozzini huma parti mill-kultura Maltija, Galea qalet li l-kultura m’għandha qatt tiġi minn fuq moħqrija tal-annimali.

“Sfortunatament ħafna mill-kulturi li għandna huma bbażati fuq tip ta’ krudeltà tal-annimali … ma nemmnux li l-annimali għandhom ikunu użati għall-gost u l-pjaċir tagħna”.

Galea temmet tgħid li l-Iżrael kien l-ewwel pajjiż li pprojbixxa kull tip ta’ vettura miġbuda miż-żwiemel, segwit minn ħafna bliet fl-Istati Uniti.

Hija qalet li idealment Malta għandha ssegwi fuq dawn il-passi waqt li tassigura li b’din il-projbizzjoni l-ebda żiemel ma jispiċċa bla dar jew maqtula.