Amber: nwiegħed li ħa nagħti l-aħjar biex nagħmel lil Malta kburija

Fl-ewwel reazzjoni tagħha wara s-suċċess li kisbet ilbieraħ fil-Malta Eurovision Song Contest, il-kantanta Amber stqarret li ma tistax temmen li rebħet dan il-festival prestiġġjuż. Hija sostniet ukoll li se tkun qed tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tagħmel lil Malta kburija fil-finali tal-Eurovision Song Contest fi Vjenna f’Mejju li ġej.

amberAmber rebħet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-MESC bil-kanzunetta Warrior bl-ogħla punti tal-pubbliku fit-televoting kif ukoll l-ogħla punti ta’ kull ġurat.

B’kollox hija kisbet 72 punt.

Wara ‘Warrior’ fit-tieni post ikklassifkat il-kanzunetta ‘Rush’ kantata minn Christabelle li ġabet 47 punt u fit-tielet post ‘Breakaway’ kantata minn Glen Vella b’39 punt.

Fis-serata li saret fis-sit tal-Marsa Ship Building ħadu sehem 14-il finalista u kienet ippreżentata minn Lyona Xuereb u Daniel Chircop.